L-Aħħar Festa – l-attività uffiċjali tal-għeluq ta’ Valletta 2018 – tinsab għaddejja bħalissa fi Pjazza San Ġorġ. Din l-okkażjoni speċjali timmarka l-qofol ta’ sena verament speċjali mimlija arti u kultura għal kulħadd.
Iċ-ċerimonja uffiċjali tal-għeluq seħħet fil-Belt Valletta fi Pjazza San Ġorġ, fejn iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef għadda t-titlu lill-Kapitali Ewropej tal-Kultura li jmiss, Matera u Plovdiv 2019. Iċ-ċerimonja inkludiet diskorsi minn rappreżentanti ta’ Matera u Plovdiv, u ġiet fi tmiemha b’diskorsi mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.
“Nistgħu ngħidu li l-2018 kienet l-aktar sena sinifikanti fl-istorja ta’ pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mal-kultura, li din is-sena ngħatat prominenza aktar minn qatt qabel,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt id-diskors tal-għeluq tiegħu.
Hu kompla jitkellem dwar kif Valletta 2018 għamlet il-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment meta wieħed jara li aktar minn 400,000 ruħ attendew għall-avvenimenti tal-Valletta 2018. “Matul din is-sena rajna s-settur kulturali f’pajjiżna jikber mingħajr preċedent. Żidna l-fondi u l-investiment għas-settur kulturali, ħloqna impjiegi ġodda, tajna opportunitajiet lill-artisti u fuq kollox, ressaqna l-kultura eqreb lejn in-nies.”
L-attivitajiet tal-lum bdew fl-10am, u se jkomplu għaddejjin sa’ nofsillejl. L-attivitajiet inkludew sommarju tas-sena, b’rappreżentazzjonijiet u installazzjonijiet minn uħud mill-proġetti tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, li saru madwar it-toroq ewlenin tal-belt.
Diversi membri tal-orkestra taċ-ċittadini Mewġa Mużika ħadu r-riedni minn idejn Ondamarela u daqqew flimkien fi Pjazza Teatru Rjal fl-4.30pm u l-5.30pm, filwaqt li fil-5pm, il-proġett ta’ Valletta 2018 Magna Żmien ipprovda narrattivi viżwali maħluqa permezz ta’ dan il-proġett, u ħoloq interazzjonijiet ma’ Kapsula Merill, il-Magna ta’ Memorji Meraviljużi.
Viżitaturi tal-belt marru bi ħġarhom il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti ta’ Malta, hekk kif iċċelebra l-ewwel ġurnata miftuħa tiegħu, filwaqt li fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ f’Palazzo Parisio ttellgħet Sempre Viva, installazzjoni ispirata mill-proġett ta’ Valletta 2018 Latitude 36.
It-toroq tal-Belt Valletta inkludew ukoll Memory Wall, Ħajt tal-Memorji, li kien fih proġetti ewlenin mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 interpretati mill-ġdid minn artisti varji f’media diversa. ŻfinMalta u Valletta 2018 ingħaqdu għal rappreżentazzjoni interattiva bl-isem ta’ Ballroom fis-Suq tal-Belt aktar kmieni llum fis-6pm. Ir-rappreżentazzjoni kienet ispirata mill-proġetti outreach Jump u Dance4All.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ bil-lejl, bit-titlu L-Aħħar Festa, se jkomplu għaddejjin b’kunċert speċjali mill-grupp lokali Tribali, li se jkunu qed joħolqu dinja mużikali kalejdoskopika, grazzi għall-ħoss uniku u eklettiku tagħhom, filwaqt li l-kantant/kittieb tal-mużika Ozzy Lino u l-ħsejjes moderni ta’ Brass House Unit għandhom rappreżentazzjoni dinamika ppjanata.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta