Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien ma’ Tikka Banda, jippreżentaw #Ġaħan18: Niftħu l-Bieb ma’ Gaħan, wirja mużikali interattiva u edukattiva għall-familja kollha. Numru ta’ rappreżentazzjonijiet se jkunu qed jittellgħu f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex matul Mejju.

#Ġaħan18 hija inizjattiva mill-grupp dinamiku mużikali, Tikka Banda. Din tesplora logħob tradizzjonali flimkien mal-mużika permezz ta’ preżentazzjoni interattiva li tieħu lill-udjenza fuq vjaġġ madwar il-kulturi differenti tal-pajjiżi ġirien tagħna, waqt li toħloq ukoll għarfien dwar l-ambjent permezz tal-użu ta’ strumenti mużikali magħmula minn materjal riċiklat.

Il-proġett beda wara l-edizzjoni tal-Valletta Green Festival tas-sena l-oħra, meta l-banda introduċiet #barralklassi – proġett interattiv bl-għan li jinkoraġġixxi tfal żgħar sabiex jgħożżu u japprezzaw il-mużika. #Ġaħan18 jinsab taħt id-direzzjoni artistika ta’ Justin Formosa, bl-għajnuna tal-koordinatriċi tal-proġett, Jessica Ellul, u l-kittieb tal-iskript, Andrea Cassar.

Il-preżentazzjonijiet huma mmirati għal tfal ta’ bejn it-tliet u l-għaxar snin, u se jkunu wkoll miftuħa għall-iskejjel. Però, kulħadd huwa mistieden jattendi. Kull preżentazzjoni hija twila nofs siegħa, u se tittella’ tliet darbiet f’kull post.

#Ġaħan18 tiftaħ f’Mejju 2018 f’ħames postijiet differenti madwar Malta u Għawdex, inkluż f’Bormla, il-Mellieħa, Ħal-Lija, Ħal-Qormi u Sannat, Għawdex.

Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org u l-paġna Tikka Banda fuq Facebook.