Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt u G7 Events taw l-aħħar dettalji tal-programm taċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali għall-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-palk prinċipali fi Pjazza San Ġorġ dalgħodu, iċ-Ċermen tal- Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “L-ispettaklu u l-esperjenza li se tkun qed toffri l-Belt Valletta hija l-attrazzjoni li tiġbed eluf ta’ nies għal dawn l-attivitajiet nazzjonali. Dan jirifletti l-impenn tal-Fondazzjoni u s-sinerġija li hemm għaddejja bi preparazzjoni lejn l-2018”.
Fuq il-palk prinċipali kollox jinsab lest għaċ-ċelebrazzjonijiet kbar fejn uħud mill-aqwa artisti Maltin inkluż Red Electrick u l-Versatile Brass kif ukoll DJs Pierre Cordina u Clint Bajada, ser joħolqu divertiment għall-folla. Il-countdown għall-Ewwel tas-Sena se jsir flimkien mal-aħħar spettaklu tad-3D Architectural Mapping Projection imtella’ mill-istudeni tal-MCAST, flimkien mal-murtali.
Fi Pjazza Teatru Rjal, DANUSAN se jtellgħu kummiedja filwaqt li se jkun hemm żona għat-tfal fi Pjazza de Valette.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tenna kif il-Belt Valletta mhix biss ċentru ta’ attività ekonomika u soċjali imma post ta’ attività kulturali fejn wieħed jista jiġi mal-ħbieb u mal-familja fil-festi u partikolarment lejliet l-Ewwel tas-Sena. Huwa semma li r-ristoranti kollha fil-Belt huma fully booked xi haġa li tawgura tajjeb ħafna.
Waqt iċ-ċelebrażjonijiet ta’ għada filgħaxija pajjiżna se jkun qiegħed jingħaqad ma’ bosta bliet oħra fid-dinja biex jilqa’ is-sena l-ġdida.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena qed isiru b’kollaborazzjoni akbar minn tas-snin ta’ qabel bejn l-entitajiet kulturali, fosthom l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern lokali kif ukoll il-privat bil-koordinazzjoni ta’ Valletta 2018.
Din il-kollaborazzjoni min naħa ta’ Valletta 2018 bdiet is-sena l-oħra bil-ħsieb li tkompli tikber.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq kemm attivitajiet bħal dawn huma importanti anki għas-settur tat-turiżmu, hekk kif turisti li jiġu għall-vaganzi tagħhom fi żmien il-festi jistgħu igawdu dan l-avveniment. Huwa għalaq billi tenna l-impenn tiegħu biex ikollna kalendarju t’avvenimenti attraenti matul is-sena kollha li jkun jinvolvi sew l-Belt Kapitali. Dan sabiex nattiraw aktar nies u nkomplu nżidu l-attività ġewwa l-Belt Valletta.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli inkoraġġixxa lill-membri tal-pubbliku li deħlin il-Belt biex jużaw it-trasport pubbliku u mezzi alternattivi biex jiġi evitat it-traffiku. It-trasport pubbliku se jkun qed jopera bi prezz ta’ 3 Ewro u se jibqa għaddej sas-siegħat bikrin ta’ filgħodu. Il-lift tal-Barrakka se jkun miftuħ sal-4am.
Id-Direttur ta’ G7 Events Owen Spiteri qal li kollox hu lest għal għada filgħaxija fejn uħud mill-aqwa artisti Maltin se jkunu qed itellgħu programmi ta’ divertiment. Ghalhekk l-atmosfera ta’ ferħ fit-toroq u l-postijiet pubbliċi tal-Belt Valletta mhux ta’ min jitlifha.
L-attivitajiet qed jittellgħu bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l- Ministeru tat-Turiżmu.