L-esibizzjoni mifruxa fuq 10 siti storiċi madwar Malta u Għawdex
Din il-Ħarifa, 10 siti ta’ wirt storiku Maltin u spazji pubbliċi oħra se jsiru parti mill-esibizzjoni artisika tal-għeluq ta’ Valletta 2018, li tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 11-il artist lokali u internazzjonali ta’ fama mondjali. Dan jagħmel din l-esibizzjoni waħda mill-akbar fil-programm ta’ Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
L-esibizzjoni tnediet illum ġewwa l-Forti Sant’Iermu u se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sad-9 ta’ Diċembru 2018.
Constellation Malta hija kkurata mill-kodirettriċi tal-Biennale ta’ Venezja tal-2005 Rosa Martínez.
Kif jissuġġerixxi l-isem, Constellation Malta hi esibizzjoni fil-forma ta’ kostellazzjoni madwar il-Gżejjer Maltin, u se twassal installazzjonijiet, wirjiet u interventi speċifiċi għal kull sit f’diversi postijiet storiċi prominenti, spazji komunitarji u spazji pubbliċi madwar Malta u Għawdex. Il-wirja tinkludi diversi forom artistiċi, inklużi pittura, skultura, rakkmu, fotografija, vidjow, installazzjonijiet viżivi u akustiċi u arti performattiva.
Dawn il-forom artistiċi differenti se jiġu esibiti fi 8 siti f’Malta u 2 f’Għawdex: il-Forti Sant’Iermu, il-Knisja ta’ Santa Maria Maddalena u l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, iċ-ċentru tal-viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-Qrendi, il-kannierja tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, Triq l-Arkati fl-Isla, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, iċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Ġgantija u l-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra, Għawdex.
Fost l-artisti hemm ismijiet kbar fil-qasam tal-arti kontemporanja, fosthom Marina Abramović, Chiharu Shiota, Forensic Oceanography and Architecture, Kyung-Jin Cho, Austin Camilleri, Yoshitomo Nara, Saskia Calderón, Eulalia Valldosera u Tania Berta Judith. Il-wirja tinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Malta Fancy Poultry and Pigeon Club kif ukoll ġabra ta’ ritratti anonimi bl-isem ta’ ‘Readymades in Malta’.
Is-sensiela ta’ interventi artistiċi f’Constellation Malta hija mfassla biex toħloq djalogu sinifikanti bejn is-siti storiċi, il-kultura popolari u l-arti kontemporanja. Il-pubbliku hu mistieden jimpenja ruħu mal-arti kontemporanja f’ambjent storiku, u jesperjenza ż-żewġ elementi flimkien biex b’hekk tinħoloq narrattiva unika.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li “aħna impenjati biex inkomplu nimirħu u nkattru dan is-settur, u permezz ta’ Constellation Malta, qegħdin inressqu l-kultura aktar qrib il-komunità speċjlament minħabba n-natura tagħha li hija mifruxa fuq numru ta’ siti patrimonjali madwar il-gżejjer tagħna fosthom Ħaġar Qim u l-Ġgantija.” Hu kompla jgħid li “din l-esibizzjoni se tinseġ flimkien il-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna mal-arti kontemporanja lokali u internazzjonali, u se ġġiegħel lil dawk li jżuruha jiskopru mill-ġdid il-wirt storiku Malti minn lenti artistika”.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “din hi l-akbar esibizzjoni li kellha Valletta 2018 s’issa. Permezz ta’ din l-esibizzjoni, se nħeġġu lill-pubbliku Malti u Għawdxi biex iżur siti storiċi mill-isbaħ f’pajjiżna fejn jista’ jara xogħlijiet artistiċi tal-aqwa livell, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. B’hekk wieħed jista’ tassew jgħix l-għan ta’ din l-esibizzjoni, dak li jinħoloq djalogu bejn siti storiċi, il-kultura popolari u l-arti kontemporanja”.
Iċ-Ċermen ta’ Heritage Malta Dr Anton Refalo indika li dan huwa proġett ieħor fejn Heritage Malta qed tikkollabora ma’ entitajiet oħra. Hija ssaħħaħ l-idea ta ‘l-aċċessibilità li hija waħda mill-pilastri ewlenin ta’ l-Aġenzija. Il-kunċett ta ‘din l-esibizzjoni huwa interessanti peress li żewġ kunċetti kompletament differenti, l-Art Kontemporanju u d-dinja tal-patrimonju Kulturali huma fi djalogu kostanti. Huwa wkoll rappreżentattiv tan-nomenklaturi li qed jiġu ċċelebrati matul din is-sena: Valletta 2018 u s-Sena Ewropea tal-Patrimonju Kulturali.
Il-kuratriċi Rosa Martinez qalet li “l-esibizzjoni tassoċja t-terminu ‘kostellazzjoni’ mal-isem ta’ Malta, u fl-istess waqt tagħti importanza metaforika lil ċerti siti fl-arċipelagu Malti. Is-siti jsiru stilel li jħaddnu tifsira… billi tinkixef it-tifsira inkorporata f’dawn ‘l-istilel’ ġodda, il-viżitaturi u l-persuni li jkunu għaddejjin fil-qrib isiru vjaġġaturi, bil-kapaċità li jagħmlu l-vjaġġ uniku tagħhom stess lejn il-fehim u l-interpretazzjoni”.
Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.heritagemalta.org jew mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni. Biljett ta’ € 20 jissarraf fi dħul ta’ darba f’kull wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta li jagħmlu parti minn din l-esibizzjoni, u jista’ jintuża matul il-perjodu kollu tal-wirja, bejn it-13 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Diċembru 2018. Ix-xogħlijiet artistiċi kollha esibiti f’postijiet komunitarji u spazji pubbliċi huma aċċessibbli mingħajr ħlas.
Il-katalgu online ta’ Constellation Malta jinsab fuq: https://universes.art/en/specials/constellation-malta/.
Għall-ħinijiet tal-ftuħ tas-siti ta’ Heritage Malta żur www.heritagemalta.org.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta