Il-Fondazzjoni Valletta 2018 f’kollaborazzjoni ma’ Pjazza Teatru Rjal tippreżenta Bewildered Music Festival, ċelebrazzjoni ta’ mużika alternattiva u indie, fit-28 u d-29 ta’ Awwissu 2015, fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.

Bis-sehem ta’ uħud mill-aqwa mużiċisti lokali u gruppi internazzjonali li jinkludu l-bands ibbażati Londra BIG DEAL u Leave the Planet, il-mużiċist Malti li jgħix Berlin Jim Hickey, kif ukoll il-bands lokali Plato’s Dream Machine, Fastidju u CHIN∆, il-festival ta’ jumejn se jinżel għasel ma’ dawk midħla tal-ġeneru kif ukoll ma’ oħrajn li qatt ma esperjenzaw din ix-xena mużikali.

Il-festival żviluppa mill-kunċett ta’ Sofar Sounds Malta – mudell innovattiv ta’ mużika intima u gigs sigrieti li jittellgħu f’postijiet domestiċi, introdott f’April 2014.

Il-festival Bewildered, jippreżenta lill-udjenza Maltija b’opportunità biex issegwi mużika li mhux normalment tindaqq fuq ir-radju, b’riżultat li tiġi esposta għall-forom differenti tal-arti.

Bewildered jgħamel parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018 li qed jiġi żviluppat bi preparazzjoni għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan jiffoka fost l-oħrajn fuq l-impenn biex artisti Maltin jkollhom pjattaforma li permezz tagħha jistgħu jesponu t-talent tagħhom filwaqt li jiġu organizzati attivitajiet ta’ kwalità għolja fil-Belt Valletta.

Il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Pjazza Teatru Rjal bdiet aktar kmieni din is-sena biex ikun jista jittella l-ewwel festival tax-xorta ta’ Bewildered. Permezz ta’ dan il-proġett, Valletta 2018 qed iġġib flimkien bands emerġenti Ewropej, mużiċisti Maltin u udjenzi żgħar, f’atmosfera soċjali li tant tintgħoġob.

Il-bilijetti għall-festival jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit bewilderedmusicfestival.com. Aktar tgħarif jista jinkiseb permezz tal-email [email protected].