Baqa’ biss ftit jiem u ftit biljetti għal-lejla sajfija tal-cabaret Balzunetta Towers, li se tittella’ fi Pjazza Teatru Rjal mill-11 sas-16 ta’ Lulju 2017.
Ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, u parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti Malti tal-2017, Balzunetta Towers huwa cabaret teatrali kontemporanju. L-ispettaklu oriġinali jittratta wieħed mill-aktar sigrieti skandalużi miżmuma – Balzunetta – magħrufa minn ħafna bħala l-oħt imqarba ta’ Strada Stretta, għalkemm tinsab fil-Furjana. Ironikament, Balzunetta kienet imdawra bil-Kurja ta’ Malta, bil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u bil-Barracks tal-Armata. Matul is-snin, ir-riċerkaturi kixfu rakkonti mqanqla u stejjer affaxxinanti li għandhom x’jaqsmu ma’ Balzunetta. Ħafna żgur jaqblu li dawn l-istejjer infami ħaqqhom trattament artistiku xieraq.
L-ispettaklu jinvolvi aktar minn 100 ruħ biex jittella’, fosthom il-cartoonist stabbilit Seb Tanti Burlò li kkollabora fuq id-disinn tas-sett flimkien ma’ Norman Hili “Iċ-Ċiċċio”, magħruf għax-xogħol tiegħu fuq il-karrijiet tal-Karnival. Flimkien mad-disinjatur tad-dwal Andrew Zammit, dawn it-tlieta qed jaħdmu fuq dak li qed jingħad li huwa l-ikbar palk fi Pjazza Teatru Rjal.
“Ibbażat fuq ix-xogħol tal-awtur Alfred Sant u b’mużika oriġinali mill-kompożitur magħruf tal-jazz u pop Dominic Galea, Balzunetta Towers iwiegħed serata li tibqa’ tiftakarha,” qal iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 Jason Micallef. “B’lirika miktuba mill-poeta Albert Marshall u bi produzzjoni u direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, l-udjenzi se jingħataw perspettiva friska dwar il-mit magħruf tal-Balzunetta.”
Id-Direttriċi tal-Festivals Annabelle Stivala qalet, “Hekk kif il-festivals isiru dejjem aktar varjati, huwa importanti li produtturi li jippjanaw attivitajiet iqisu kif jistgħu jagħmlu l-attivitajiet tagħhom aċċessibbli u li jilħqu udjenza wiesgħa. L-udjenza tagħna tinkludi persuni b’firxa wiesgħa ta’ sfondi. Sabiex nippjanaw attivitajiet li jżommu f’moħħhom id-diversità dejjem tikber, huwa neċessarju li mmorru lil hinn milli sempliċiment nakkomodaw jew nirrikonoxxu d-differenzi fost in-nies, iżda minflok, noħolqu attivitajiet li huma mfassla biex jattiraw l-udjenzi usa’. Dan it-tip ta’ proġett li jqanqal in-nostalġija, ġie maħluq biex jagħmel eżatt dan. Balzunetta Towers huwa proġett li jista’ jitqies popolari, faċli biex jinftiehem u divertenti, iżda fl-istess ħin huwa sofistikat u ta’ sfida intrinsika li jagħti sodisfazzjon. Huwa d-dmir tagħna bħala produtturi tal-MIAF li nippreżentaw programm artistiku divers ħafna.”
Il-kast jinkludi l-attur magħruf Davide Tucci, il-kummidjant Chris Dingli, u l-kantanta Doreen Galea bħala wħud mill-ismijiet kbar li se jieħdu sehem f’Balzunetta Towers.
Fost il-vuċijiet li se jsebbħu l-mużika nsibu lil Ozzy Lino, Josef Camilleri minn Xarulu’, Justin Galea minn KażinSka, u l-kantanta ta’ talent kbir Mariele Zammit. Veterani tat-teatru Michael Mangion, Michael Mangion, Peter Busuttil, Antonella Axisa, u bosta oħrajn se jkunu qed jieħdu sehem biswithom. Il-koreografa Jo Butterworth, il-kartunista Seb Tanti Burlo’ u d-disinjatur Adrian Mamo se jkunu fost il-persuni kreattivi fl-ispettaklu.
“Alfred u Albert tawna ingredjenti eċċellenti, din hija s-Satira Maltija fl-aqwa tagħha. Dan, flimkien mal-mużika inkredibbilment sabiħa ta’ Dominic, diġà jwassal għal suċċess”, qal Sean Buhagiar. “L-udjenzi għandhom jistennew serata spettakolari, se jaraw Pjazza Teatru Rjal bħalma qatt ma rawh qabel, u jesperjenzaw l-ispettaklu filwaqt li jixorbu l-inbid u jieklu ikel Malti appettiuż. Aħna nixtiequ li din l-esperjenza tal-cabaret tkun lejla maġika sajfija li tibqa’ tiftakarha”.
Dominic Galea jiddeskrivi Balzunetta Towers bħala, “Tribut li ili noħlom bih għal bosta snin. Hija ħaġa sabiħa ħafna li x-xogħol tiegħi jiġi prodott fuq skala tant spettakolari. L-istejjer tal-ikoniku post twelidi finalment se jieħdu l-ħajja. Il-mużika hija ispirata minn dawn iż-żminijiet nostalġiċi, żminijiet fejn jinsabu l-għeruq ta’ missieri bħala mużiċist. Tista’ tħoss il-qlub tat-tim iħabbtu f’dan il-proġett, ilkoll kemm aħna nħobbuh ħafna. Diġà unur li jien parti mill-proċess, u ninsab ħerqan ħafna biex indoqq dawn in-noti lajv fuq il-palk mal-kast u l-banda favolużi tagħna”.
Pjazza Teatru Rjal se jinbidel b’mod nostalġiku u jsir palk tal-cabaret spettakolari li jinkludi orkestra lajv flimkien ma’ wħud mill-aqwa vuċijiet, atturi u żeffiena Maltin. Għall-ewwel darba, il-postijiet se jiġu ttrasformati fi mwejjed fuq stil cabaret li se jospitaw persuni li xtraw il-biljett gold, u se jiġu servuti inbid, tnaqqir u jingħataw reġistrazzjoni b’xejn tal-mużika tal-ispettaklu.
L-ispettaklu huwa wkoll appoġġjat minn Delicata Wines, Nenu the Artisan Baker, Teatru Manoel u l-Kunsill Lokali tal-Furjana.
L-ispettaklu huwa bil-Malti, bis-sottotitoli bl-Ingliż, u se jkun qed jittella bejn il-11 u s-16 ta’ Lulju 2017 fi Pjazza Teatru Rjal. L-aħħar ftit biljetti Silver u Gold huma disponibbli minn www.balzunettatowers.com jew 21223216.