Il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt u G7 Events nedew il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet nazzjonali għal Milied u l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta.
Waqt il-konferenza stampa fi Pjazza Teatru Rjal dalgħodu iċ-Ċermen tal- Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Dawn l-attivitajiet nazzjonali jiriflettu l-impenn tal-Fondazzjoni kif ukoll il-kollaborazzjoni li hemm għaddejja mal-entitajiet kulturali pubbliċi kollha, mal-privat u mal-Kunsill Lokali tal-Belt bi preparazzjoni għall-2018”.
Bħala parti mill-programm għal dawn iż-żminijiet, Valletta 2018 qed terġa’ tikkollabora mal-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST fuq spettakli magħrufa bħala 3D Architectural Mapping Projection. Din is-sena, il-faċċata kollha tal-Palazz fi Pjazza San Ġorġ se tkun trasformata bi storja viżwali ħelwa mit-Tlieta 23 ta’ Diċembru bejn il-5.30 u l-10.30 ta’ filgħaxija. Lejliet il-Milied se ssir jsir spettaklu ieħor wara l-quddiesa ta’ nofs il-lejl.
L-istorja tiħodna fil-ħanut tax-xogħol ta’ Santa Klaus fejn is-seba’ elves tiegħu jipproċessaw l-ittri u jaħdmu il-ġugarelli kollha. Dan huwa wkoll il-post fejn esperiment xjentifiku ma jirnexxix kif basru. Lejliet il-Milied, Clara, waħda mill-elves, tħallat il-kimiċi l-ġodda tagħha li jikkawżaw splużjoni. Qalb id-diżastru, l-ġugarelli kollha jieħdu l-ħajja! Dak li jiġri wara jħawwad lil kulħadd filwaqt li joħloq eċċitament.
Lejliet l-Ewwel tas-Sena, il-palk prinċipali se jkun fi Pjazza San Ġorġ fejn uħud mill-aqwa artisti Maltin, inkluż Red Electrick u l-Versatile Brass kif ukoll DJs Pierre Cordina u Clint Bajada ser joħolqu divertiment għall-folla.
Il-countdown għall-Ewwel tas-Sena se jsir flimkien mal-aħħar spettaklu tad-3D Architectural Mapping Projection, flimkien mal-murtali.
Fi Pjazza Teatru Rjal, DANUSAN se jtellgħu kummiedja filwaqt li se jkun hemm żona għat-tfal fi Pjazza San Ġorġ.
Waqt l-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici qal: “Is-settur kulturali qed jikkontribwixxi direttament għat-turiżmu kif ukoll għall-professjonalizzazzjoni tal-artisti bi preparazzjoni għall-2018”. Huwa tenna li dawn l-attivitajiet kulturali huma ppjanati għall-familja u jħallu wkoll benefiċċji kulturali u anke turistiċi.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal: “Attivitajiet bħaċ-ċelebrażżjoni tal-Ewwel tas-Sena huma importanti għall-kalendarju t’avvenimenti tagħna b’mod specjali għall-industrija tat-turiżmu. It-turisti li jiġu jżuruna f’dawn iż-żminijiet ikunu jistgħu jingħaqdu mal-komunità lokali għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi waqt il-btajjel tagħhom f’pajjiżna”.
Il-viżjoni tal-Gvern, kompla l-Ministru Żammit Lewis, hi li Malta u Għawdex ikollhom kalendarju t’avvenimenti tul is-sena kollha propju biex nattiraw turisti lejn il-gżejjer tagħna anki matul ix-shoulder months. Dan jikkonferma l-ħidma tal-Gvern li kontinwament ifittex inċentivi u miżuri biex jattira aktar turiżmu ta’ kwalità.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli semma kif il-kollaborazzjoni li hija għaddejja rriżultat f’aktar minn 50 attività fil-Belt bejn it-13 ta’ Diċembru u l-Ewwel tas-Sena. Huwa inkoraġġixxa lill-membri tal-pubbliku li deħlin il-Belt biex jużaw it-trasport pubbliku u mezzi alternattivi biex jiġi evitat it-traffiku.
Id-Direttur ta’ G7 Events Owen Spiteri qal li jkun kif ikun it-temp, uħud mill-aqwa artisti Maltin se jkunu qed itellgħu programmi ta’ divertiment fi Pjazza Teatru Rjal kif ukoll fi Pjazza San Ġorġ lejliet l-Ewwel tas-Sena. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali jagħqdu lill-poplu f’atmosfera ta’ ferħ fit-toroq u l-postijiet pubbliċi tal-Belt.
L-attivitajiet qed jittellgħu bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l- Ministeru tat-Turiżmu.