Figuri mill-ewwel Valletta Participation Survery (2015), mmexxi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-Fondazzjoni Valletta 2018, juri li Valletta 2018 qed tħalli impatt pożittiv.
Ir-riżultati ġew ikorroborati minn studji maħruġa minn entitatjiet oħra bħall-Awtorita Maltija għat-Turiżmu (MTA), u l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC), kif ukoll numru ta’ entitajiet publiċi u riċerkaturi individwali. Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati waqt is-seminar Culture Matters: Valletta 2018 Initial Findings, li ttella’ llum fl-Università ta’ Malta.
Is-seminar ta’ ġurnata nfetaħ miċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef li tenna: “Dan l-investiment f’riċerka kwalitattiva u kwantitattiva hu mod kif insaħħu l-parteċipazzjoni tan-nies f’attivitajiet kulturali permezz tax-xogħol ta’ monitoraġġ li qed isir. Din l-evalwazzjoni se tgħina nifhmu u nirrispondu b’mod xieraq l-isfidi ta’ quddiemna.”
Waqt li ħabbar ir-riżultati, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonniċi sostna li “81% ta’ dawk li pparteċipaw fis-survey tal-NSO jemmnu li l-Belt Valletta qed tinbidel għall-aħjar, waqt li 82% ta’ dawk intervistati jemmnu li Valletta 2018 qed ikolla impatt pożittiv fuq il-perċezzjoni tal-Belt Valletta.”
L-interess f’Valletta 2018 hu għoli b’71% qalu li prababilment jattendu attivitajiet ta’ Valletta 2018, qal Dr Bonnici, waqt li żied li 85% ta’ dawk li rrispondew qablu li l-Belt Valletta hija belt attiva u ħajja, waqt li 81% jaħsbu li l-Belt Valletta hija ċentru għall-kreattività.
Waqt li emfasizza l-importanza tar-riċerka komprensiva fis-settur kulturali fejn l-aċċessibiltà hi kruċjali, Dr Bonnici qal li dawn ir-riżultati juru li l-isforz li qed isir qed jagħti riżultati konkreti, l-Belt Valletta qed tinbidel għall-aħjar u li din il-bidla hija gradwali imma kostanti, minkejja li s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għadha sentejn ‘il bogħod.
Adonia Sammut, li mexxiet ir-riċerka rigward xogħolijiet fl-industriji kulturali u kreattivi għall-ETC, enfasizzat li l-impjiegi totali fl-industrija sa l-aħħar ta’ Ġunju 2015 ammontaw għal 10,991 persuna jew 5.35% tal-impjiegi totali fl-ekonomija.
Ta’ interess partikolari ukoll hi d-dejta miġbura mir-riċerka ta’ Tania Sultana u Mariella Attard, li kienu qed jirrapreżentaw l-MTA, u li turi li 23.3% tat-turisti li ġew Malta bejn Frar u Ottubru 2015, kienu konxji b’Valletta 2018 qabel iż-żjara tagħhom filwaqt li 57.6% ta’ dawk li ħadu sehem fis-survey u li ma kienux konxji mit-titlu, saru jafu bih waqt il-btala tagħhom.
Is-seminar kien indirizzat ukoll minn Rolf Norås, id-Direttur tal-Affarjiet Kulturali fil-belt ta’ Stavanger ġewwa in Norveġja, u d-Direttur Strateġiku ta’ Stavanger, Kapitali Ewropea Tal-Kultura 2008. Mr Norås, li riċentament ippublika ktieb fuq 12-il belt li ġa kienu Kapitali Ewropej tal-Kultura, tkellem fuq l-esperjenzi bejn dawn il-bliet differenti.
Din ir-riċerka li qed issir fuq perjodu ta’ ħames snin, hija parti mill-proċess ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018. L-iskop huwa li jiġi żviluppat kontenut ta’ riċerka rigoruż li jippermetti evalwazzjoni tal-impatt li l-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qed ikollha fuq numru ta’ aspetti. Dawn jinkludu l-parteċipazzjoni kulturali tal-poplu Malti, l-inklużjoni tal-komunità, ir-riġenerazzjoni infrastrutturali, it-turiżmu u l-perċezzjoni li qed tinbena madwar il-Belt Valletta u Malta, fost l-oħrajn.