Valletta 2018 u Darba Waħda… bi pjaċir iħabbru li r-reġistrazzjoni għal sessjonijiet li se jgħaqqdu flimkien lit-tfal u l-anzjani issa tinsab miftuħa. It-tfal u l-anzjani huma mistiedna jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet divertenti inkluż ir-rakkont tal-istejjer, id-drama, l-arti u l-logħob.
Is-sessjonijiet b’xejn huma mmexxija mill-prattikanta tad-drama applikata Anna Formosa u se jkunu qed isiru mill-bidu ta’ Ottubru sa Diċembru. Matul is-sessjonijiet il-parteċipanti jitgħallmu minn xulxin, iħaddmu l-kreattività tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, jesperjenzaw l-awtożvilupp u jieħdu pjaċir f’ambjent sigur u kreattiv. Il-proġett jippromwovi sens ta’ komunità u sens ta’ benessri.
Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħa għal tfal bejn l-età ta’ 9 u 12-il sena u adulti ’l fuq minn 60 sena mil-lokalitajiet li ġejjin: il-Mellieħa, l-Imtarfa, l-Imġarr, il-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara. Dawn interessati li jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw fil-Kunsill Lokali rispettiv tagħhom.
Il-lokalitajiet se jiġu magħquda flimkien u s-sessjonijiet se jsiru fi spazji li jinsabu fiż-żona. Is-sessjonijiet tal-Mellieħa, l-Imtarfa u l-Imġarr se jsiru fis-Sala tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr, filwaqt li dawk tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara se jsiru fiċ-Ċentru Pastorali ta’ Bormla. Is-sessjonijiet isiru mill-4.30pm sas-6.00pm.
Is-sessjonijiet ta’ Bormla se jsiru nhar t’Erbgħa u jibdew mill-4 ta’ Ottubru u s-sessjonijiet tal-Imġarr se jsiru nhar ta’ Ħamis u jibdew mill-5 ta’ Ottubru. Dawk interessati li jingħaqdu magħna għandhom jirreġistraw billi jikkuntattjaw il-Kunsill Lokali tagħhom. It-trasport lejn u mill-post se jiġi pprovdut b’xejn.
Għal aktar dettalji żur il-Paġna ta’ Facebook ta’ Darba waħda… , jew jibgħat email fuq [email protected].