Ir-reġistrazzjoni sabiex tipparteċipa f’Darba Waħda, proġett ta’ Valletta 2018 li jfittex li jtaffi d-distanza ġenerazzjonali bejn it-tfal u l-anzjani permezz tal-irrakkuntar ta’ stejjer, drama, logħob, arti, u attivitajiet pjaċevoli oħrajn, issa hija miftuħa.
Is-sessjonijiet mingħajr ħlas, immexxija minn Anna Formosa, ser ikunu għaddejjin bejn l-aħħar ta’ Settembru u Diċembru. Matul is-sessjonijiet il-parteċipanti jitgħalmu minn xulxin, jużaw l-imaġinazzjoni tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, u jieħdu pjaċir f’ambjent kreattiv li jippromovi sens ta’ komunità.
Ir-Reġistrazzjoni hija miftuħa għal tfal li għandhom bejn 9 u 12-il sena u għall-adulti li għandhom ‘il fuq minn sittin sena li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Marsaskala, Iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Birkirkara, Iż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħal-Safi, l-iMqabba, Ħal-Kirkop, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ. Dawk kollha interessati li jipparteċipaw għandhom japplikaw fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali rispettiv tagħhom.
Il-lokalitajiet se jkunu miġbura fi gruppi u s-sessjonijiet se jsiru fi spazji allokati fiż-żona. Is-sessjonijiet għal Marsaskala, Iż-Żejtun u Ħaż Żabbar se jsiru ġewwa s-Sala tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar; is-sessjonijiet għal Birkirkara se jsiru fis-Sala tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara; filwaqt illi dawk għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ se jsiru ġewwa s-Sala tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u s-sessjonijiet taż-Żurrieq, Qrendi, Ħal-Safi u Ħal-Kirkop se jsiru fis-Sala tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Kirkop.
Is-sessjonijiet ta’ Ħaż-Żabbar se jsiru nhar ta’ Erbgħa u jibdew fit-28 ta’ Settembru; dawk ta’ Ħal-Kirkop se jsiru nhar ta’ Ħamis u jibdew fid-29 ta’ Settemru; is-sessjonijiet tas-Siġġiewi se jsiru nhar ta’ Ġimgħa u se jibdew fit-30 ta’ Settembru; u s-sessjonijiet ta’ Birkirkara jsiru nhar ta’ Tnejn u jibdew fit-3 ta’ Ottubru.
Dawk li huma interessati jieħdu sehem għandhom jirreġistraw billi jikkuntattjaw il-kunsill lokali tagħhom. Se jiġi pprovdut ukoll it-trasport lejn il-post u lura.
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna tal-Facebook ta’ Darba Waħda, www.valletta2018.org jew ibgħat e-mail fuq [email protected].