L-artista rebbieħa tal-esebizzjoni u l-kompetizzjoni Divergent Thinkers, Sarah Maria Scicluna, tħabbret iżjed kmieni llum fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. L-esebizzjoni, li kienet organizzata mill-Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, tippreżenta x-xogħlijiet ta’ disa’ artisti lokali żgħażagħ u ta’ artist Ġappuniż.
L-artisti li qegħdin jieħdu sehem fl-esebizzjoni jinkludu Aidan Celeste, Chiara Cassar, David Falzon, Janis Luste, Justine Navarro, Keita Onishi, Lara Manara, Sam Sultana, Sarah Maria Scicluna u Roderick Camilleri. Sarah Maria Scicluna ngħatat il-premju rebbieħ ta’ xahar residenza f’Awwissu 2017 fil-Youkobo Art Space ta’ Tokjo, il-Ġappun.
Il-kuratur Rapheal Vella qal li “Divergent Thinkers stabbiliet ruħha bħala l-pjattaforma ewlenija għall-artisti emerġenti ta’ pajjiżna. L-esebizzjoni tħeġġeġ il-ħsieb innovattiv u l-proġetti artistiċi, tiffoka fuq il-proċessi attwali tal-kreattività artistika u tikkummissjona xogħol ġdid mill-parteċipanti magħżula.”
Iċ-Ċerman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef irrimarka li “l-esebizzjoni Divergent Thinkers tagħti esperjenza professjonali lill-artisti żgħażagħ. Dan qiegħed jiġri fi żmien importanti ħafna meta l-programm tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħed jiġi kkonsolidat u jkompli jibni fuq wirt artistiku li ser jibqa’ dejjem preżenti.”
Matul il-jiem tal-esebizzjoni Divergent Thinkers mistennija tattira total ta’ 1,500 ruħ.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma spjegat li “bażikament Divergent Thinkers għandha l-għan ewlieni li tippermetti li l-artisti żgħażagħ jippreżentaw l-ispontanjetà, il-kunċetti u l-ideat artistiċi tagħhom billi tipprovdilhom l-opportunitajiet u l-ispazji xierqa. Din is-sena dan l-ispazju ser jitwessa’ u jinfirex sal-Ġappun fejn tul xahar sħiħ l-artista rebbieħa ser tassorbi ambjent artistiku u kulturali ġo residenza f’Tokjo. Din l-esperjenza għandha żgur tespandi u tarrikixxi l-proġetti artistiċi tal-ġejjieni.”
Diparti tiegħu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius qal li “s-Segretarjat sodisfatt ħafna li l-finanzjament allokat għal proġetti bħal Divergent Thinkers qiegħed ikompli jrawwem il-kreattività immaġinattiva taż-żgħażagħ.” Agius żied jgħid li dan “mhux biss jgħin fit-tnedija tal-karrieri artistiċi taż-żgħażagħ iżda mbagħad jisfrutta wkoll il-kreattività b’mod li jinstabu soluzzjonijiet għal problemi li jmorru lil hinn mill-isfera artistika.”
Divergent Thinkers toffri sfida lil bosta artisti żgħażagħ biex jużaw il-kunċett tal-ħsieb diverġenti billi jesebixxu tpinġijiet, ritratti, oġġetti u materjal simili ieħor ħalli juru kif tista’ tinstab soluzzjoni għall-problemi kreattivi b’modi differenti u mhux tas-soltu. Din is-sena l-artisti kellhom jipproduċu xogħlijiet bit-tema ‘NAVIGATE’. Matul il-jiem tal-esebizzjoni Divergent Thinkers mistennija tattira total ta’ 1,500 ruħ. L-esebizzjoni ser tibqa’ miftuħa fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, sal-Ġimgħa 18 ta’ Novembru. Uħud mix-xogħolijiet se jkun qed jiġu esebiti waqt il-European Youth Conference li se tkun organizzata f’Marzu 2017 bħala parti mill-programm tal-Presidenza tal-UE.
Il-proġett Divergent Thinkers qiegħed jittella’ mill-Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-appoġġ tal-Mużew Marittimu, l-EU Japan Fest u l- Japan Media Arts Festival.