Bosta xogħlijiet artistiċi lokali minn ġenerazzjonijiet differenti se jingħaqdu fil-forma ta’ djalogu bejn l-artisti fil-wirja tal-arti ta’ Valletta 2018; Nisġa – Storja Kontemporanja. L-esibizzjoni tiftaħ fis-7 ta’ Settembru fi Spazju A, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.

Nisġa: Storja Kontemporanja hija esibizzjoni tal-arti li teżamina l-identità multidimensjonali tal-artist Malti f’sitt kapitoli. Il-kelma Maltija “nisġa” ġġegħilna naħsbu fil-ħidma tat-tessuti u bħal biċċa drapp, din l-esibizzjoni hija minsuġa minn rakkonti, konnessjonijiet u relazzjonijiet mhux tas-soltu.

Din il-wirja kontemporanja, ikkurata minn Alexander Debono u Irene Biolchini, tfittex li tiċċelebra u li toħloq djalogu virtwali bejn uħud mill-aktar artisti prominenti Maltin tal-perjodu Modern u Kontemporanju.

Il-ġabra tinkludi x-xogħol ta’ Josef Kalleya, Vincent Apap, Emvin Cremona, Esprit Barthet, Antoine Camilleri u Frank Portelli. Dawn ġew rikonoxxuti bħala artisti mill-aqwa f’dik li hi arti moderna f’Malta: six modern artists (1991), miġbur minn Dominic Cutajar, Emanuel Fiorentino u Kenneth Wain.

Għal Nisġa – Storja Kontemporanja, ix-xogħol ta’ dawn l-artisti se jitwaħħad flimkien ma’ interventi artistiċi oħra minn artisti Kontemporanji, inklużi Carmelo Mangion, Darren Tanti, Patrick Dalli, Pierre Portelli, Harry Alden, Anton Agius, Gabriel Caruana, Victor Agius, Austin Camilleri, George Preca, Alfred Chircop, Norbert Attard, Isabelle Borg, Vince Briffa, Raymond Pitrè, George Fenech u Ruth Bianco. Il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet Kontemporanji jinstabu f’format diġitali, u għalhekk joħolqu esibizzjoni simili għal installazzjoni fejn l-elementi kollha jinteraġixxu flimkien. Il-wirja tippreżenta djalogu sinifikanti bejn dawn ix-xogħlijiet artistiċi u l-artisti li ħolquhom, b’kull biċċa tal-arti bin-narrattiva partikolari tagħha.

Peress li tinkludi kemm xogħlijiet li jimpjegaw tekniki tradizzjonali kif ukoll dawk li jinkorporaw midja moderna, l-esibizzjoni sservi biex tibni rabtiet bejn ġenerazzjonijiet ta’ artisti. Ġewwa spazju kkurat bir-reqqa, il-wirja tesplora l-persona tal-artist Malti, filwaqt li tixħet dawl fuq ir-rabtiet ta’ Malta max-xena tal-arti Ewropea u dik internazzjonali.

Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal li “ninsabu kuntenti u kburin li permezz ta’ din l-esibizzjoni, qed nagħtu opportunità lill-pubbliku li jara xogħlijiet tal-arti lokali mill-aqwa miġbura f’kollezzjoni waħda bla ħlas. L-għażla ta’ xogħlijiet se toħloq djalogu sinifikanti: djalogu bejn bosta artisti li uħud minnhom m’għadhomx magħna llum”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Dr Deo Debattista stqarr li wirjiet bħal dawn huma spettru sħiħ ta’ emozzjonijiet li jkomplu jżewqu din l-emozzjoni unika li hija Valletta 2018.
Id-dħul għal din l-esibizzjoni tal-arti seminali huwa b’xejn.

Nisġa – Storja Kontemporanja se tkun miftuħa bejn is-7 ta’ Settembru u l-4 ta’ Novembru 2018 fi Spazju A, Spazju Kreattiv, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta.

L-esibizzjoni hi wkoll parti mill-Programm ta’ Spazju Kreattiv.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta