Il-Belt Valletta ġiet uffiċjalment inawgurata Kapitali Ewropea tal-Kultura f’ċerimonja mtella’ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi illejla. Iċ-ċerimonja timmarka mument storiku mhux biss għall-Belt Valletta, iżda għal Malta kollha.

Tibor Navracsics, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport kien preżenti fiċ-ċerimonja, u tkellem dwar l-opportunità unika li jipprovdu t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura u s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali fejn tidħol is-salvagwardja u l-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea, li tenfasizza l-valuri komuni tagħna u kif il-kultura tikkontribwixxi għas-soċjetà Ewropea u l-ekonomija tagħha.

Wara d-diskors tiegħu, Dr Navracsics uffiċjalment ippreżenta t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura liċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, u ppreżentalu plakka kommemorattiva biex timmarka l-okkażjoni. Il-plakka tikkommemora wkoll il-premju Melina Mercouri li ngħata lill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’rikonoxximent għax-xogħol imwettaq mill-Fondazzjoni fl-enfasi tad-diversità kulturali rikka tal-Belt Valletta. Jason Micallef esprima l-ferħ u l-eċċitament tiegħu għall-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-poplu.

Iċ-ċerimonja attenda għaliha s-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, li tkellem dwar il-vjaġġ tal-Belt Valletta lejn dan il-mument storiku. Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef tkellem dwar il-Programm Kulturali mifrux fuq 365 jum ta’ Valletta 2018, li huwa mmirat li jqanqal il-qlub u l-imħuħ, u li Malta qatt ma rat bħalu qabel.

Preżenti wkoll kien hemm Dr Deo Debattista, Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, li enfasizza li qed inkunu xhud għal riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u urbana li qatt ma rajna bħalha qabel.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici innota li Valletta 2018 hija storja ta’ suċċess, u qal li aktar ma jgħaddi żmien, il-kultura qed issir punt ċentrali f’ħajjitna. Il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat qal li s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija opportunità biex Malta turi l-wirt tagħha fuq livell Ewropew u globali.

Iċ-ċerimonja ġiet konkluża minn diskors mill-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, li ħeġġet liċ-ċittadini kollha ta’ Malta biex iħossu sens ta’ kburija matul din is-sena speċjali.

Matul iċ-ċerimonja kien hemm ukoll ħames rappreżentazzjonijiet differenti mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.