“Kull darba li ninżel Strada Stretta nħoss dehxa meta niftakar fiż-żmien sabiħ li kont inqatta’ f’din it-triq ma’ sħabi l-baħrin l-oħra tar-Royal Navy.
“Mill-banda l-oħra, il-mara tiegħi, Catherine tant saret tħobb lil Malta li s’issa ġejna tmintax-il darba u kien hemm żmien meta ġejna darbtejn fis-sena.”
Hekk ikkummenta John Finley ta’ 61 sena riċentament meta niżel Strada Stretta għal darb’oħra imma did-darba mas-Sur Jason Micallef, Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Is-Sur Finley kien Malta għal vaganza ta’ ġimgħatejn mal-familja tiegħu.
Waqt din il-mixja, is-Sur Micallef spejga kif Valletta 2018 tħares lejn il-qawmien ta’ Strada Stretta.
“Negozjanti u diversi nies b’ideat friski raw il-ġid li jista’ joħroġ mill-inizjattivi li varat Valletta 2018 billi qed jinvesti flus, ħin u talent biex jerġgħu jagħtu l-ħeġġa u l-ħajja li din it-triq famuża tista’ tgħid mad-dinja kollha.
“It-tir tagħna huwa li l-inkurunar ta’ Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 jħalli għeruq sodi li minnhom jitkattru sensiela ta’ ħidmiet biex il-Belt u l-kumplament ta’ Malta jibqgħu jgawdu minnhom għal snin twal,” qal is-Sur Micallef.
Jakkompanjaw lis-Sur Finely kien hemm Joshua Terry, qarib tiegħu li bħalissa huwa student tal-arti diġitali fl-università John Moores f’Liverpool u minn George Cini, riċerkatur dwar l-istorja ta’ Strada Stretta. Is-Sur Cini qal li t-tieni ktieb li jkompli jirrakkonta l-istorja ta’ Strada Stretta mistenni jkun lest sal-aħħar t’Ottubru. Il-ktieb il-ġdid se jkun jismu Strada Stretta Aktar dawl fuq it-triq li darba xegħlet il-Belt.
Is-Sur Finley semma kif flimkien ma’ sħabu kien jinżel Strada Stretta u jixorbu ammont kbir ta’ birra.
“Għalkemm konna nafu li kull darba li nordnaw birra konna qed inħallsu drink lil barmaids konna nieħdu gost bil-kumpanija tagħhom, nisimgħu l-mużika u ngawdu l-atmosfera ferrieħa li kien hemm. Konna ninżlu Strada Stretta għaliex it-triq kienet kalamita tal-għaġeb,” qal is-Sur Finley.