Il-15-il edizzjoni tal-Malta Military Tattoo se ssir fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, bejn il-21 u t-23 ta’ Settembru, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Il-Belt Valletta din is-sena għandha t-titlu prestiġjuż tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, għalhekk  din hi l-aqwa okkażjoni sabiex dan l-avveniment isir proprju ġewwa l-Belt.

Il-Malta Military Tattoo kibret kontinwament biex saret avveniment li jipprovdi pjattaforma lill-baned militari lokali biex jingħaqdu flimkien u jesibixxu t-talenti tagħhom biex dawn jitgawdew minn kulħadd.

Flimkien mal-element lokali, il-mistednin internazzjonali tal-Malta Military Tattoo se joffru kontribut arrikkit għall-wirja u se jġibu t-tradizzjonijiet tal-mużika militari minn barra minn xtutna magħhom.

Gruppi internazzjonali li se jipparteċipaw din is-sena jinkludu: Topside, il-Banda Ewropea tal-Forzi Navali tal-Istati Uniti; u l-grupp Bersaglieri di Trapani minn Trapani, Sqallija. Dan tal-aħħar ġie stabbilit fl-2002 fi Sqallija biex iżomm it-tradizzjonijiet tar-reġjun. Il-membri kollha huma dedikati biex jippreservaw il-valuri patrijottiċi tal-antenati tagħhom. Il-banda ġiet mistiedna għal diversi avvenimenti madwar l-Ewropa, u twassal lill-udjenzi verżjoni moderna u żagħżugħa tal-Bersaglieri filwaqt li żżomm ukoll il-valuri tradizzjonali tal-Bersaglieri Corps.

The Emerald Isle Dance Team se jinagħqu ma’ dawn il-baned; formazzjoni ta’ żeffiena minn Dublin u Kildare fl-Irlanda, immexxija minn membri tal-Assoċjazzjoni tal-għalliema taż-żfin Irlandiża Cairde Damhsa. Dawn jiżfnu ma’ mużika Irlandiża tradizzjonali u jwasslu t-tradizzjonijiet taż-żfin assoċjati ma’ wirjiet militari internazzjonali lejn pajjiżna. Huma wettqu firxa vasta ta’ wirjiet inkluż l-Edinburgh Military Tattoo.

Diversi gruppi militari lokali se jagħtu wkoll il-wirjiet tagħhom. Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li kull sena tipprovdi wirja mħejjija kompletament għall-Malta Military Tattoo, din is-sena se tagħti sorpriża pjaċevoli lill-udjenza. Dawn se jingħaqdu wkoll mit-tim tad-drill, li se juri l-preċiżjoni u d-dixxiplina tar-rutini militari.

Il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta qed tħejji wkoll wirja biex timpressjona. It-tim tad-drill tal-Pulizija se jkun preżenti wkoll b’wirja ta’ preċiżjoni għal kulħadd.

Il-Massed Pipes and Drums se jkun magħmul minn 4 baned militari lokali: 1st Cospicua Scout Group Pipes and Drums; il-Banda Duke of Argyll tal-1st Hamrun Scout Group; il-Marsa Scouts Pipes and Drums; kif ukoll Wallace Pipes and Drums – Malta. Dawn se jkunu akkumpanjati mill-grupp Malti Highland Dancers mill-Artistique Dance Company.

L-ispettaklu se jsir fil-21, fit-22 u fit-23 ta’ Settembru. Kollox jibda mill-Bitħa tal-Palazz tal-Granmastru u jimxi lejn Pjazza San Ġorġ.

Il-Malta Military Tattoo huwa organizzat mill-MFCC, bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Il-biljetti huma għall-bejgħ minn ticketline.com.mt jew mill-Uffiċċji tal-MFCC f’Level One Millenium Stand, Ta’ Qali jew mill-Embassy Cinemas, il-Belt Valletta.

Għal aktar informazzjoni żur mfcc.com.mt jew maltamilitarytattoo.org, segwi l-MFCC u l-paġni tal-Malta Military Tattoo fuq Facebook, jew ċempel fuq 21410371.