L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Curatorial School ta’ Valletta 2018 fetħet il-bibien tagħha għall-istudenti nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembru fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta. Bħalissa għaddejjin it-taħditiet u l-workshops, li se jkomplu sal-Ġimgħa 7 ta’ Settembru.
Din l-iskola ta’ kurazija organizzata minn Valletta 2018 tikkonsisti f’ġimgħa ta’ lekċers u workshops intensivi minn kuraturi u esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Din l-iskola tipprovdi opportunità unika sabiex studenti tal-arti jtejbu l-iżvilupp tal-karrieri tagħhom fil-qasam tal-kurazija, permezz ta’ serje ta’ lekċers informattivi u opportunitajiet għal networking professjonali.
It-tema ta’ din is-sena hi ‘Prattiki soċjali fl-arti kontemporanja u l-kurazija’, li se tiffoka fuq prattiki artistiċi ta’ kurazija li jinvolvu udjenzi u gruppi speċifiċi ta’ nies direttament. Il-Programm jinkludi workshops interattivi kuljum, lekċers u żjarat f’żewġ galleriji tal-arti kontemporanji fil-Belt u huwa kkurat b’reqqa biex ikopri varjetà ta’ suġġetti rilevanti għall-prattikanti u l-istudenti llum. Is-suġġetti jinkludu metodi ta’ riċerka fil-kurazija; il-kurazija ta’ dak li mhux familjari; ir-riċerka involuta fl-iżvilupp ta’ kunċetti, temi u l-għażla tal-artisti; it-temporalitajiet tal-wirjiet u l-potenzjali u l-limitazzjonijiet fit-tfassil tal-wirjiet, b’referenza għal bosta wirjiet u postijiet speċifiċi internazzjonali, inklużi Venezja, Moska, Sao Paulo, Istanbul u l-Biennali ta’ Berlin, MOCA Taipei, Manifesta u Documenta.
Waqt workshops interattivi li qed jiġu offruti kuljum, l-istudenti għandhom l-opportunità li jirrispondu għal kompiti ppreparati mill-kuraturi mistiedna, kif ukoll li jingħataw rispons estensiv dwar aspetti tal-kurazija, ir-riċerka, il-produzzjoni u l-preżentazzjoni ta’ ideat ġodda.
Il-kelliema mistiedna huma l-kuratur, artist, kittieb u edukatur Irlandiż Dr Paul O’Neill; l-artista internazzjonali Jeanne van Heeswijk; il-kuratur tal prattiċi pubbliċi ta’ Tate Liverpool u senior lecturer tal-istudji tal-esibizzjoni fl-università John Moores f’Liverpool Dr Michael Birchall; l-istorjografa, kuratriċi u kittieba Nina Möntmann; kuratriċi u artista Kelly Large, u l-kittieb, kuratur, u xandar Alfredo Cramerotti.
Il-Curatorial School hi proġett ta’ Valletta 2018, u hi parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Curatorial School u proġetti oħra ta’ Valletta 2018 żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta