Illum tnieda l-programm tat-12-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Arti Malti (MIAF). Dan se jsir madwar il-Belt bejn id-29 ta’ Ġunju u s-16 ta’ Lulju 2017. It-tnedija kienet indirizzata mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, id-Direttur tal-Festivals is-Sa Annabelle Stivala, id-Direttur Artistiku tal-Festival Dr Michelle Castelletti u ċ-Chairman tal-Fundazzjoni Valletta 2018 is-Sur Jason Micallef.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Kultura qal li hu krucjali li l-arti tilħaq l-akbar udjenzi possibbli. Il-ħidma u l-investiment tal-Gvern fis-setturi tal-arti u l-kultura qegħdin joħolqu legat dejjiemi fi proġetti infrastrutturali bħall-Mużew ġdid tal-Arti, l-Ispazju għall-Arti Kontemporanja u d-Design Cluster kif ukoll fuq livelli ġodda ta’ parteċipazzjoni mill-artisti lokali, aktar aċċessibbiltà għal kulħadd, u apprezzament akbar u aktar mifrux fost il-poplu, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ.
Is-setturi tal-arti u l-kultura llum sar għandhom rabta mill-qrib mal-attivitajiet soċjo-ekonomiċi kollha tal-pajjiż, tant li f’kull raħal u belt f’Malta u Għawdex qed jitkattru l-opportunitajiet għall-arti u t-talent lokali f’oqsma varji: it-teatru, iż-żfin, il-mużika, il-pittura, id-disinn u anke ċ-ċinema.
“Illum l-artisti f’pajjiżna għandhom ukoll l-opportunità li jagħmlu karriera mit-talenti tagħhom u diġà huma ħafna dawk il-professjonisti li jaħdmu f’dik li hi l-industrija tal-kultura u l-arti,” qal il-Ministru Bonnici.
Id-Direttur tal-Festivals żiedet tgħid: “Aħna kburin li nistgħu nħabbru li l-Festival Internazzjonali tal-Arti, li hu wieħed mill-aqwa fil-kalendarju kulturali Malti, ingħata l-marka EFFE għat-tieni darba. Il-festival jippromwovi l-libertà tal-espressjoni artistika permezz ta’ programm li jiġbor fih bosta forom tal-arti u li jinvesti fl-artisti kif ukoll fl-udjenzi.”
It-team artistiku, immexxi minn Dr Castelletti u magħmul minn Francesca Tranter u Ruben Zahra, ħolqu programm varjat mimli b’xogħol ġdid ta’ kompożizzjonijiet mużikali Maltin, installazzjonijiet, koreografija, xogħol teatrali kif ukoll sejħiet għall-artisti.
“L-aspirazzjoni hi li Malta ssir destinazzjoni fuq il-mappa kulturali. Il-viżjoni hi li tikseb dan billi tagħti l-arti lin-nies permezz ta’ programm distint u billi toħloq esperjenzi kulturali uniċi. Laqqajna artisti Maltin ma’ dawk internazzjonali b’riżultati eċitanti. Qed inġibu f’Malta dak li qed jiġri madwar id-dinja, imma iktar importanti minn hekk, qed nikkultivaw it-talent u noffru pjattaforma għall-artist żagħżugħ,” spjegat id-Direttur Artistiku.
Waħda mill-iktar xogħlijiet interessanti se tkun ir-residenza mal-London Sinfonietta, b’workshops għal kompożituri Maltin li jwasslu għal kunċert live mal-orkestra waqt li jintwera l-film Under the Skin ta’ Jonathan Glazer bil-mużika tar-rebbieħ ta’ premju BAFTA, Mica Levi (Micachu). Il-festival iwiegħed ħafna xogħol enerġetiku fosthom spettaklu mill-Big Band Brothers u Mnozil Brass kif ukoll flamenco passjonali mill-Maltija Francesca ‘La Chica’ Grima flimkien ma’ Puerto Flamenco.
It-tema tal-Mediterran terġa’ toħroġ permezz ta’ Metamorfosi, li hi msejsa fuq it-traġedja Griega ta’ Ovid, b’kitba ta’ Trevor Żahra u produzzjoni ta’ Unifaun Theatre; waqt li Paul Capsis jagħti l-ħajja lill-karattri straordinarji ta’ Angela’s Kitchen – storja li tiftaħ tieqa fuq il-ħajja komuni magħmula minn affarijiet epiċi – gwerra, mewt, kuraġġ u kemm jiflaħ jissaporti l-bniedem.
“Din is-sena l-innovazzjoni ta’ Valletta 2018 se tkun Balzunetta Towers – cabaret teatrali kontemporanju dwar l-oħt iktar imqarba ta’ Strada Stretta. Dan ix-show ikkummissjonat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 għall-Festival Internazzjonali tal-Arti, flimkien man-numri kbir ta’ prestazzjonijiet fil-programm, se jkomplu jagħmlu l-arti u l-kultura aċċessibli għal kulħadd f’atmosfera rilassata,” iċ-Chairman ta’ Valletta 2018.
Ix-xogħol teatrali għandu d-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, mużika ta’ Dominic Galea (li trabba f’Balzunetta), kitba ta’ Alfred Sant u poeżija ta’ Albert Marshall.
Ultima Vez se jieħdu sehem fil-festival b’In Spite of Wishing and Wanting li hu xogħol interdixxiplinarju b’saħħtu dwar ix-xewqat u l-beżgħat bażiċi, b’koreografija u direzzjoni ta’ Wim Vandekeybus. B’ritmi li jfakkruk fir-ragħad permezz ta’ tnabar enormi taiko, koreografija misterjuża u dwal oriġinali, il-Mugenkyo Taiko Drummers jagħtu dehra u ħoss kontemporanju lill-ispirtu tradizzjonali.
L-Orkestra nazzjonali se tipprovdilna bi tliet kunċerti: il-ftuħ tal-festival li se jkun mimli xogħol ġdid Malti bi strumenti tradizzjonali Maltin maħdum għall-orkestra tal-kamra, kollaborazzjoni mal-Orkestra Maltija taż-Żgħażagħ permezz ta’ soundtracks ta’ films popolari u kollaborazzjoni oħra, mal-pjanist internazzjonali Denis Matsuev, permezz ta’ Prokofiev Piano Concerto No 2.
Il-programm se jkun mimli workshops u masterclasses; kif ukoll prestazzjonijiet minn DJ li jħalltu mużika kontemporanja biex jipprovdu alternattiva mhux klassika lill-udjenza. Il-pjanist improvizzatur Bruno Heinen se jagħti laqta ġdida lix-xogħlijiet ta’ Kurtág, Debussy, Ravel, Bach u Stockhausen.
Il-Bacarisse Trio se joffru mużika klassika tal-kamra fuq mużika ta’ Granados u Mendelssohn u l-vjolinista brillanti Nadia Debono, flimkien mal-kitarrist Kuban Ahmed Dickinson Cárdenasse se jipprovdu lejla li ma tintesiex b’mużika Mediterranja-Kubana!
Lulju se jkun mimli installazzjonijiet interattivi u esperjenzi multidixxiplinarji u interdixxiplinarji bħall-kollaborazzjoni eċitanti ma’ Ars Electronica; u Late Interactive, li hi trasformazzjoni diġitali interattiva fit-taraġ fid-daħla tal-Belt ta’ Andrew Schembri u Toni Gialanzè.
Terra Verunt hu vjaġġ immersiv ta’ 24 siegħa mal-artisti Erica Muscat, Lucia Piquero, Moritz Zavan Stoeckle u Renzo Spiteri, li se jsir f’post sigriet.
EXPLORE…THINK…IMAGINE…CREATE! hi kollaborazzjoni maċ-ċentru tax-xjenza Esplora biex jinħoloq jum multidixxiplinarju u interattiv ibbażat fuq proposti tal-artisti b’reazzjoni għal tema mogħtija lilhom.
“L-2017 hi kaleidoskopju kkulurit u eċitanti,” temmet tgħid Castelletti.
Il-Festival Internazzjonali tal-Arti hu mtella’ minn Festival Malta fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u Valletta 2018; u megħjun minn MSV Life, Esplora Interactive Science Centre u l-Presidenza Ewropea f’Malta 2017. Għal iktar tagħrif żur www.maltaartsfestival.org
Sejħa għall-Artisti
MIAF 2017: Sejħa għall-Artisti: xogħol/ installazzjoni biex isiru fuq il-post (site-specific)
EXPLORE…THINK…IMAGINE…CREATE! hi kollaborazzjoni maċ-ċentru tax-xjenza Esplora (www.esplora.org.mt) biex jinħoloq jum multidixxiplinarju u interattiv ibbażat fuq proposti tal-artisti b’reazzjoni għal tema mogħtija lilhom.
Proposti mill-artisti qegħdin jiġu aċċettati biex jieħdu sehem fil-festival ta’ din is-sena. Ix-xogħlijiet magħżula jittellgħu fiċ-ċentru tal-Esplora. Huma aċċettati l-forom kollha tal-arti (mużika, żfin, teatru u media) u l-etajiet kollha huma eliġibbli. Imma x-xogħol irid ikun ispirat minn Esplora kemm bħala post kif ukoll x’jirrappreżenta bħala temi (esplorazzjoni, skoprti, xjenza titħallat ma’ arti u l-wirjiet innifshom). Għal proposti inqas konvenzjonali hu rakkomandat li l-artist iżur il-post. It-tul ta’ ħin tax-xogħol/ installazzjoni hu flessibbli. Din hi opportunità biex tieħu sehem f’waħda mill-aqwa avvenimenti tal-kalendarju kulturali Malti. M’hemmx ħlas fis għall-artisti imma l-ispejjeż se jitħallsu kollha.
L-applikanti għandhom jibagħtu ittra tispjega x’inhu l-proġett, bijografija, ritratti, siltiet diġitali mix-xogħol kif ukoll lista tal-ħtiġijiet tekniċi lid-Direttur Artistiku Dr Michelle Castelletti fuq [email protected] sal-31 ta’ Mejju, 2017. (Importanti li l-artisti jżommu f’rashom li l-possibbiltajiet loġistiċi huma ftit u m’hemmx pjanu fuq il-post, għalkemm jista’ jintuża keyboards). Il-festival għandu d-dritt ma jagħżel l-ebda xogħol għal dakinhar. It-titlu tal-email għandu jkun – MIAF 2017: Explore, Think, Imagine, Create.
MIAF2017: Sejħa għal skizzi, tpinġijiet, arti u illustrazzjonijiet
Artisti viżivi huma mistiedna jdaħħlu xogħol biex jiġi stampat fil-programm tal-festival ta’ din is-sena. Kwalunkwe forma tal-arti viżiva li tista’ tiġi stampata permezz ta’ fotografija hi aċċettata. Jekk jogħġobkom użaw avvenimenti u prestazzjonijiet kurrenti bħala ispirazzjoni għax-xogħlijiet tagħkom. Id-daqs ta’ kull paġna tal-programm hu 16ċm wisgħa u 26ċm għoli. Il-festival għandu d-dritt ma jagħżel l-ebda xogħol.
L-applikanti għandhom jibagħtu kopja diġitali tax-xogħol bi kwalità għolja lid-Direttur Artistiku Dr Michelle Castelletti fuq [email protected]. It-titlu tal-email għandu jkun – MIAF 2017 Call for Art. L-applikazzjonijiet jiġu aċċettati sal-31 ta’ Mejju, 2017.
MIAF2017: Sejħa għal partituri mużikali
Il-Festival ħoloq residenza ma’ wieħed mill-aqwa esponenti tal-mużika kontemporanja fid-dinja. Hi opportunità rari għall-kompożituri Maltin (jew kompożituri barranin li qed jgħixu Malta) biex idaħħlu kompożiżżjoni għal kwartett tal-kordi (tul massimu ta’ 7’) u li se jintagħżel mid-Direttur tal-Festival flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-London Sinfonietta, Andrew Burke.
Żewġ kompożizzjonijiet jew tlieta se jintagħżlu biex isir workshop fuqhom ma’ mużiċisti (flimkien mal-konduttur) f’workshop miftuħ mil-London Sinfonietta. Ix-xogħol se jissemma’ b’mod informali fil-pubbliku. Il-Festival u l-London Sinfonietta għandhm id-dritt ma jagħżlu l-ebda xogħol.
Biex tapplika, ibgħat verżjoni PDF tax-xogħol lid-Direttur Artistiku Dr Michelle Castelletti fuq [email protected] sal-31 ta’ Mejju 2017. It-titlu tal-email għandu jkun MIAF2017: Call for Scores.
MIAF2017 – IL-PROGRMM
29 ta’ Ġunju
Ċelebrazzjoni ta’ mużika Maltija miċ-Chamber Orchestra tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
Angela’s Kitchen ta’ Paul Capsis
31 ta’ Ġunju: il-Opening of all live interactive installations – all free
Late Interactive – installazzjoni fit-taraġ fid-daħla tal-Belt ta’ Andrew Schembri u Toni Gialanzè
Terra Verunt – vjaġġ minn għajnejn tifel migrant
Bandli ta’ Andrew Schembri
ARS ELECTRONICA
Angela’s Kitchen ta’ Paul Capsis
1 ta’ Lulju
Ship of Theseus ta’ Puerto Flamenco
Angela’s Kitchen ta’ Paul Capsis
2 ta’ Lulju
Ship of Theseus ta’ Puerto Flamenco
3 ta’ Lulju
Mugenkyo Taiko Drumming
Dance Hybrid
4 ta’ Lulju
Kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mal-Orkestra Nazzjonali taż-Żgħażagħ
Dance Hybrid
5 ta’ Lulju
Kunċert minn Nadia Debono ma’ Ahmed Dickinson Cardenas
Dance Hybrid
6 ta’ Lulju
Il-Big Band Brothers b’mużika electro-swing ibbażata fuq il-mużika ta’ Val Valente
Workshop mil-London Sinfonietta għall-kompożituri li se jwassal għal kunċert informali miftuħ għall-pubbliku
Dance Hybrid
7 ta’ Lulju
Kunċert mil-London Sinfonietta waqt li jintwera l-film ta’ Jonathan Glazer’s Under the Skin u mużika ta’ Mica Levi
Dance Hybrid
8 ta’ Lulju
Night party fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt – Non-Classical: Gabriel Prokofiev ma’ DJ Mr Switch
Dance Hybrid
9 ta’ Lulju
MNOZIL Brass
10 ta’ Lulju
Metamorfosi
11 ta’ Lulju
Metamorfosi
Balzunetta Towers
12 ta’ Lulju
Re-Imagined: Bruno Heinen jimprovizza x-xogħlijiet mużikali ta’ Kurtag, Stockhausen, Ravel, Debussy and Bach
Balzunetta Towers
13 ta’ Lulju
Kunċert minn Bacarisse Trio
Balzunetta Towers
14 ta’ Lulju
Ultima Vez – In Spite of Wishing and Wanting
Balzunetta Towers
15 ta’ Lulju
Kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien ma’ Denis Matsuev
Balzunetta Towers
16 ta’ Lulju
EXPLORE…THINK…IMAGINE…CREATE! b’kollaborazzjoni ma’ Esplora
Balzunetta Towers