Il-Festival Internazzjonali tal-Arti u l-Festival tal-Jazz Malti imtellghin mill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Fondazzjoni Valletta 2018, fl-aħħar jiem ta’ Ġunju sat-22 ta’ Lulju, kisbu rizultati eċċelenti ghas-sena 2017. Minbarra ż-żieda fiċ-ċifri ta’ kemm attendew nies, il-Kunsill hu kuntent li l-Festival Internazzjonali tal-Arti u l-Festival tal-Jazz Malti qegħdin dejjem ikomplu jiżviluppaw kif ukoll qegħdin jilħqu firxa akbar ta’ nies.

 

Sandro Zerafa, id-Direttur Artistiku tal-Festival tal-Jazz li għadda, qal li probabbilment din kienet l-aħjar attendenza matul is-snin, li għalih hu sinjal tajjeb ħafna u li kull min ta sehmu fih hu kuntent dwarha. Fil-fatt wieħed mill-kunċerti ta’ filgħaxija, li kien bla ħlas, mela kompletament Pjazza Teatru Rjal. Waqt li l-kunċerti f’Ta’ Liesse kellhom żieda ta’ 22.5% fl-udjenzi.

Mugenkyo Taiko Drummers photo by Stephen Buhagiar574

“Imma nixtieq niġbed l-attenzjoni dwar dak li hu inqas ovvju fil-Jazz Festival Malti. Il-festival qed jinfiltra fix-xena kulturali Maltija. M’għadux konfinat f’Ta’ Liesse.  Qed jikkontribwixxi għal ħolqien ta’ dak li wieħed jista’ jsejħilha ‘x-xena tal-jazz’,” sostna Zerafa. Żied jgħid: “Qed jilħaq lin-nies bla ma jissagrifika l-kontenut. Il-festival qed iħalli legat. Il-jam sessions, il-kunċerti ta’ nofsinhar, il-masterclasses u l-gigs informali tal-fringe għandhom valur daqs l-attivitajiet ewlenin. Il-mużika hi dwar li toħloq konnessjoni man-nies u l-jazz jeħtieġ li jikseb dak l-element ‘popolari’ bla ma jaqa’ għall-popoliżmu.”

 

Min-naħa tagħha Dr Michelle Castelletti, li kienet id-Direttur Artistiku tal-Festival Internazzjonali tal-Arti li għadda, spjegat li hemm ħafna affarijiet li jogħġbuha dwar il-Festival Internazzjonali għall-Arti – l-iktar għax imiss ħajjet in-nies waqt li jarrikkixxi lil gżiritna bl-arti li tinħoloq jew tinġieb, jistimula l-udjenzi u jqanqal l-emozzjonijiet. Dan minbarra li joffri doża tajba ta’ gost u eċitament. U dan kollu hu ta’ sodisfazzjon kbir għaliha.

Copy of Esplora Photos by Matthew Mirabelle (35)

“Imma taf xi jqanqalni l-iktar minn ġewwa? Li nara tifel b’għajnejh miftuħin beraħ, issummat jisma’mużika klassika kontemporanja jew jara l-arti tissawwar quddiemu u jibqa’ b’ħalqu miftuħ bla ma jiċċaqlaq, jew jaqbad u jibda jiżfen quddiemi.

“Li nara l-frott tal-workshops u nkun naf li biddilna l-ħajja ta’ dik il-persuna għal dejjem – anki jekk din għadha ma tafx b’dan. U din is-sena rajt dan kollu jseħħ,” żiedet tgħid Dr Castelletti, li diġà qed taħseb għall-festival tas-sena d-dieħla u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-2018.