Il-Fondazzjoni Valletta 2018 kmieni llum nediet il-Program Kulturali tagħha għas-sena 2017 b’pubblikazzjoni li tinkludi d-dettalji tal-proġetti u l-avvenimenti kulturali li ser jittellgħu fl-2017.

Iċ-Ċerman tal-Fondazzjoni Jason Micallef spjega li “l-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħed jiġi kkonsolidat aħna u nħejju għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-titlu Kapitali Ewropea tal-Kultura li issa jinsab biss sena ’l bogħod. Is-sena d-dieħla ser ikun hemm iżjed minn 50 proġett li jistiednu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku sabiex il-Programm tabilħaqq ikun esperjenza kulturali maqsuma bejn kulħadd.” Dan spjegah waqt il-preżentazzjoni tal-Programm Kulturali tas-sena 2017, ġewwa r-ristorant tal-Panorama fil-Belt Valletta. Il-proġetti huma magħmula minn għadd ta’ workshops, prestazzjonijiet u esebizzjonijiet.

Id-Direttur Eżekuttiv Karsten Xuereb qal: “Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tmexxi ’l quddiem il-bidla kulturali, soċjali u ekonomika fil-Belt Valletta u f’diversi villaġġi, irħula u bliet fil-gżejjer Maltin. Kabbarna wkoll ir-riżorsi umani tagħna ħalli niżguraw li dan il-proġett wiesa’ u importanti jkun suċċess.”

Il-Kordinatriċċi tal-Ipprogrammar tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Margerita Pulé qalet: “Fl-2017 u iktar u iktar fl-2018 rridu li din tkun opportunità li tlaqqa’ flimkien persuni minn ambjenti u komunitajiet differenti sabiex joħolqu esperjenzi sinifikanti u relazzjonijiet fit-tul. F’dan kollu l-kollaborazzjoni hija fattur kruċjali – mhux biss fost l-artisti u l-prattikanti kulturali, iżda wkoll għaċ-ċittadini kollha ta’ Malta u Għawdex.”

Din is-sena iżjed minn 150,000 persuna ħadu sehem fl-attivitajiet u fil-proġetti marbuta mal-Fondazzjoni, fosthom fil-Valletta Green Festival, il-Valletta Pageant of the Seas u n-Notte Bianca. Wara t-tnedija tal-inizjattiva Tal-Kultura fi Frar li għadda, il-voluntieri ser jibqgħu jagħtu sehemhom b’mod attiv fil-proġetti kulturali tas-sena d-dieħla. S’issa 385 voluntier issieħbu f’dan il-programm ta’ volontarjat kulturali flimkien ma’ SOS Malta.

Bħall-Programm Kulturali 2016, il-pubblikazzjoni tas-sena 2017 tiġbor fiha deskrizzjonijiet tad-diversi proġetti li nsibu fil-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni. Dawn jinkludu bosta festivals, proġetti edukattivi u proġetti oħra minn firxa vasta ta’ dixxiplini artistiċi: miż-żfin u t-teatru sal-arti viżiva u l-mużika.

Il-Programm Kulturali qiegħed jiġi mwettaq u żviluppat b’mod kontinwu tul it-tħejjijiet għas-sena 2018 li matulha l-Belt Valletta ser tkun Kapitali Ewropea tal-Kultura. F’dan ir-rigward il-Fondazzjoni Valletta 2018 għandha l-għan li tinkludi għadd kbir ta’ membri tal-komunità minn Malta u Għawdex sabiex jipparteċipaw flimkien fl-attivitajiet u fil-proġetti artistiċi li ser jittellgħu tul is-sena kollha.

Il-verżjoni elettronika tal-Programm Kulturali 2017 tal-Fondazzjoni tinsab hawnhekk