Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna matul id-diskors tal-baġit tal-lum li l-legat maħluq minn Valletta 2018 se jitkompla fis-snin li ġejjin bl-istabbiliment tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
Valletta 2018 kienet esperjenza straordinarja li poġġiet il-kultura f’livelli li ma konniex rajna bħalhom qabel. Kif tintemm il-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fi tmiem din is-sena, il-Gvern ser jwaqqaf l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta biex isservi bħala punt ta’ referenza ewlenija għall-iżvilupp u attivitajiet kulturali fil-Belt Kapitali u sabiex il-legat li ħalla warajh Valletta 2018 jitkompla.
L-Aġenzija ser tħares ukoll l-impenn biex ir-riġenerazzjoni kulturali tal-Belt tibqa’ għaddejja, bil-għan li jissaħħaħ l-impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Belt. Dan se jwassal biex jgħolli l-livell tal-infrastruttura u s-servizzi.