Diversi Baned Militari lokali u internazzjonali għaddejjin bl-aħħar preparamenti tagħhom għall-ewwel rappreżentazzjoni tal-Malta Military Tattoo, li se ssir fil-21 ta’ Settembru.
Din is-sena, il-Military Tattoo se ssir fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, fil-21, 22 u 23 ta’ Settembru, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Ir-rappreżentazzjonijiet kollha jibdew fis-7pm, u jitilqu mill-bitħa tal-Palazz tal-Granmastru qabel ma jimxu lejn Pjazza San Ġorġ.
Biljetti jistgħu jinkisbu minn ticketline.com.mt, mill-uffiċini tal-MFCC f’Ta Qali u mill-Embassy Cinema Complex fil-Belt Valletta.
Gruppi internazzjonali li se jipparteċipaw din is-sena jinkludu: Topside, il-Banda Ewropea tal-Forzi Navali tal-Istati Uniti; u l-grupp Bersaglieri di Trapani minn Trapani, Sqallija. The Emerald Isle Dance Team se jingħaqdu ma’ dawn il-baned; formazzjoni ta’ żeffiena minn Dublin u Kildare fl-Irlanda, immexxija minn membri tal-Assoċjazzjoni tal-għalliema taż-żfin Irlandiża Cairde Damhsa.
Diversi gruppi militari lokali se jagħtu wkoll il-wirjiet tagħhom. Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li kull sena tipprovdi wirja mħejjija kompletament għall-Malta Military Tattoo, se tingħaqad ukoll mit-tim tad-drill, li se juri l-preċiżjoni u d-dixxiplina tar-rutini militari. Se jkun hemm ukoll wirjiet mill-Banda tal-Pulizija ta’ Malta kif ukoll it-tim tad-drill tal-Pulizija.
Se jipparteċipaw ukoll erba’ baned militari lokali: 1st Cospicua Scout Group Pipes and Drums; il-Banda Duke of Argyll tal-1st Hamrun Scout Group; il-Marsa Scouts Pipes and Drums; kif ukoll Wallace Pipes and Drums – Malta. Dawn se jkunu akkumpanjati mill-grupp Malti Highland Dancers mill-Artistique Dance Company.
Il-Malta Military Tattoo huwa organizzat mill-MFCC, bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni żur mfcc.com.mt jew maltamilitarytattoo.org, segwi l-MFCC u l-paġni tal-Malta Military Tattoo fuq Facebook, jew ċempel fuq 21410371.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta