Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ippubblikat rapport maħruġ mill-Panel ta’ Konsulenza u Monitoraġġ tal-Kummissjoni Ewropea li juri l-progress ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ Valletta 2018 bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Ir-rapport ġie mfassal wara li żewġ membri tal-panel żaru l-Belt Valletta mill-25 sas-27 ta’ Jannar 2016. Matul iż-żjara tagħhom kellhom l-opportunità jiltaqgħu mat-tim ta’ implimentazzjoni u jiddiskutu fit-tul l-istatus tal-programm, jagħtu parir mill-esperjenza tagħhom u jitgħallmu iktar dwar il-programm. Il-membri tal-panel żaru wkoll diversi proġetti infrastrutturali u kellhom l-okkażjoni li jiskambjaw l-ideat ma’ persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet kemm lokali u kemm nazzjonali.
Waqt konferenza għall-istampa li matulha r-rapport sar pubbliku, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal “Il-Panel ta’ Monitoraġġ sostna b’mod ċar li Valletta 2018 qiegħda fit-triq it-tajba. Il-Fondazzjoni qed tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-panel filwaqt li miexja ’l quddiem fit-tħejjijiet tagħha”.
“Li tilqa’ programm ta’ avvenimenti għal sena sħiħa hija esperjenza unika għall-Belt Valletta, għar-residenti tagħha u għall-bqija tal-gżira u jien nistieden lil kulħadd biex jipparteċipa,” żied jgħid is-Sur Micallef.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Valletta 2018 Karsten Xuereb qal: “It-tim ta’ Valletta 2018 qed jikber biż-żieda ta’ diversi individwi, li jinkludu l-Koordinaturi Reġjonali, li jaħdmu sabiex jimpenjaw lir-residenti lokali u jinvolvuhom fil-programm ta’ Valletta 2018. Dan qed iħalli l-marka tiegħu fuq livell lokali u internazzjonali. Il-kollaborazzjoni ma’ Leewarden u mal-EU-Japan fest qed tissaħħaħ bħalma qed jissaħħaħ l-iskambju tal-artisti fil-Euro-Med inklużi l-pajjiżi Għarab”.
Il-membri tal-Panel baqgħu impressjonati bil-proġetti ta’ riġenerazzjoni u ta’ infrastruttura illi żaru: “Il-proġetti dwar l-industrija kreattiva (is-salon tal-film u l-moda, id-design cluster) għandhom potenzjal u jistgħu jkomplu jsaħħu r-rwol tal-belt u tal-pajjiż f’dan il-qasam f’perspettiva Ewropea,” żiedu jgħidu.
Saru wkoll rimarki u rakkomandazzjonijiet pożittivi dwar id-djalogu mal-Kunsill tal-Arti ta’ Malta, l-istruttura ta’ governanza ċara u l-appoġġ politiku, l-impenn qawwi tat-tim tal-maniġment, il-proġetti emblematiċi taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Artistiku u l-isforzi li jsiru sabiex il-proġett ikun suċċess kif ukoll ir-rwol tal-Konsulent Artistiku Internazzjonali.
Ir-Rakkomandazzjonijiet jinkludu t-twaqqif ta’ djalogu regolari mal-partijiet kulturali interessati lokali u l-pubbliku ġenerali filwaqt li jinżamm il-momentum fit-tħejjijiet, ir-residenti jkunu involuti kemm jista’ jkun fl-iżvilupp tal-kwartier kreattiv, l-iżgurar tas-sostenibbiltà u rappurtaġġ aħjar lill-panel.
Filwaqt li saħqu fuq “il-progress ċar” fir-rigward tad-definizzjoni tal-programm, il-panel ikkummenta fuq il-bżonn li tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-proġetti li għadhom fil-fażi ta’ riċerka.
Sal-aħħar ta’ Lulju 2016, il-Fondazzjoni se tibgħat prospett sħiħ tal-proġetti li hemm fil-ktieb tal-kandidatura, l-istatus tagħhom ta’ implimentazzjoni u ta’ baġit kif ukoll aġġornament qasir dwar il-progress tal-implimnetazzjoni tal-proġett KKTK u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Panel sal-aħħar ta’ Settembru 2016.