Valletta 2018 qiegħda tikkollabora ma’ The Rubberbodies Collective u Spazju Kreattiv fuq il-wirja, Il-Pinnuri, li se sseħħ fi Spazju A ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu mill-Ġimgħa 8 ta’ April sal-Ħadd l-1 ta’ Mejju.
Il-wirja hija parti minn Il-Warda tar-Riħ, proġett fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 li jiċċelebra t-tradizzjonijiet u l-għerf dwar l-irjieħ f’erba’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex: Tas-Sliema, Marsaxlokk, l-Imġarr (Malta) u l-Għarb. Il-lokalitajiet, li huma differenti f’dik li hi natura, minn irħula ħdejn il-baħar sa zoni rurali u urbani, huma punti sinfikanti tal-kumpass fl-Arċipelagu Malti.
Imtella’ minn The Rubberbodies Collective, Il-Pinnuri tiffoka fuq il-proċess tal-ħolqien ta’ skulturi artistiċi publiċi, iddisinjati mir-residenti ta’ dawn l-erba’ lokalitajiet. Kull skultura tirrapreżenta r-relazzjoni li l-komunità għanda mar-riħ, kif ukoll il-folklor relatat u t-tradizzjonijiet qodma li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra.
Bil-preżervazzjoni ta’ dawn l-istejjer niskopru mill-ġdid ir-rabta tradizzjonali Maltija mal-elementi u r-ritmi naturali. L-istejjer marbuta mar-riħ jinkludu d-direzzjoni li jieħu l-qattus meta jinħasel, id-dija u l-għamla tal-qamar, it-tokki tal-qniepen tal-knisja li jkeċċu l-irjieħ distruttivi, kif ukoll l-biża’ għall-ħajjiet mitlufa meta l-irjieħ ikunu qawwija wisq. Dawn l-istejjer kienu s-suġġett għall-iskulturi li saru u li se jkunu eżibiti fil-wirja.
Il-fażi tal-proġett li jmiss tinkludi stallazzjoni dwar ir-riħ f’Marsaxlokk li se tittella’ f’Mejju.
Valletta 2018 tistimula r-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika fl-irħula u l-ibliet ta’ Malta permezz tad-djalogu ma’ diversi komunitajiet u prattiki innovattivi. Il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 jinkludi l-ġenerazzjonijiet u s-sezzjonijiet kollha tal-komunità permezz tal-interazzjoni, il-logħob, l-immaġinazzjoni u l-passjoni. Kull individwu għandu storja xi jgħid u kull waħda hija unika.