Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta: Tmiem b’suċċess għall-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018

Il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 ġie fi tmiemu l-lejl li għadda, biċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Kapitali.

Għal darb’oħra, dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ta’ suċċess hekk kif ’il fuq minn 70,000 ruħ għażlu li jilqgħu s-Sena l-Ġdida fil-Belt Valletta, fejn uħud mill-aqwa artisti lokali taw spettaklu fuq il-palk prinċipali fi Pjazza San Ġorġ. Dawn kienu jinkludu lil Ira Losco, Xarulu’, DJ Pierre Cordina u DJ Mykill.

Dan kien l-aħħar avveniment li sar bħala parti mill-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li ra aktar minn 400 proġett u avveniment iseħħu madwar il-Gżejjer Maltin, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 400,000 ruħ.

Il-programm ta spinta lis-setturi kulturali, soċjali u ekonomiċi ġewwa l-Belt Valletta, u wassal għal tkabbir pożittiv fl-infrastruttura, it-turiżmu u l-impjiegi fis-settur kulturali.

Offra wkoll opportunitajiet lil eluf ta’ artisti u membri tal-komunità biex juru t-talenti tagħhom, jarrikkixxu r-rabtiet kulturali tagħhom u jipparteċipaw f’diversi avvenimenti fuq skala kbira. Fil-fatt, madwar 1,600 artist lokali u internazzjonali u aktar minn 3,000 membru minn komunitajiet Maltin u Għawdxin ħadu sehem fil-proġetti u l-attivitajiet ta’ Valletta 2018 matul is-sena. Bosta artisti internazzjonali ġew minn pajjiżi Ewropej bħal Franza, il-Belġju, l-Awstrija, l-Italja, Spanja, il-Portugal, il-Greċja, il-Polonja u r-Renju Unit, fost oħrajn, kif ukoll artisti mill-Afrika Ċentrali u l-Lvant Nofsani.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fil-programm kulturali tagħha, lil dawk li appoġġjaw il-proġetti tagħha u lil dawk li pparteċipaw u attendew għall-avvenimenti tagħha, sabiex din is-sena kienet tassew esperjenza memorabbli!

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 issa ser tkompli bix-xogħol tagħha permezz tal-Valletta Cultural Agency — l-ewwel aġenzija kulturali għall-Belt Valletta.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta