Il-Valletta Pageant of the Seas, organizzat minn Valletta 2018, beda fil-Port il-Kbir fis-7 ta’ Ġunju fil-5.30pm b’rappreżentazzjoni mill-membri ta’ In Guardia.

Il-karattru tal-Granmastru, flimkien ma’ membri oħra ta’ In Guardia daħal fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes, dgħajsa ta’ stil Tork.

Wara din ir-rappreżentazzjoni ta’ In Guardia, saret tellieqa tar-regatta mid-Dwana l-antika għan-naħa l-oħra tal-Port u lura.

Tellieqa oħra saret ftit tal-ħin wara r-regatta – Tellieqa Telliqun. Din it-tellieqa nvolviet raftijiet magħmula bl-idejn li baħħru fil-Port il-Kbir mingħajr l-użu ta’ moqdief jew mutur biex waslu sat-tmiem tat-tellieqa. 25 tim ipparteċipa f’din it-tellieqa, b’parteċipanti li ġejjin minn diversi istituzzjonijiet fosthom dawk edukattivi u dawk tad-dilettanti tad-dgħajjes. Il-parteċipanti bnew id-dgħajjes tagħhom permezz ta’ materjal riċiklat.

Bħal ma ġara fl-ewwel edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas fl-2016, għawwiema għamu minn Forti Sant’Anġlu sal-Belt Valletta waqt l-Għawma Toni Bajada. Din l-għawma tfakkar il-figura storika ta’ Toni Bajada, li kien magħruf li jwassal informazzjoni billi jgħum distanzi twal waqt l-Assedju l-Kbir f’Malta.

Attivitajiet oħra li saru waqt il-Valletta Pageant of the Seas jinkludu wirja minn Chaudron Powerboats u l-parteċipazzjoni ta’ diversi baned fuq l-art inkluż is-Soċjetà Mużikali Santa Katerina taż-Żurrieq f’Ta’ Liesse, il-banda tal-Korp tal-Pulizija f’Xatt Pinto, u l-banda tas-Samba – Escola de Samba Roma Rio fuq is-swar ta’ Santa Barbara.

L-attivitajiet ta’ matul il-jum intemmu biċ-ċerimonja tal-għoti tal-premji f’Ta’Liesse għar-rebbieħa tat-tlielaq differenti li saru qabel. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ billejl jibdew fid-9pm.

Il-Valletta Pageant of the Seas hi waħda mill-ikbar spettakli li qatt ġew organizzati fil-Port il-Kbir. Spettaklu ta’ kulur iddomina l-Port b’diversi rappreżentazzjonijiet u tlielaq matul il-ġurnata, u logħob tan-nar u akrobazija matul il-lejl.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta