It-tieni edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas, spettaklu kbir u uniku fil-Port il-Kbir li jipprovdi divertiment għall-familja kollha, jirritorna fis-7 ta’ Ġunju fil-5:30pm fil-Port il-Kbir, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi numru ta’ tlielaq kompetittivi, għawm, regatta, wirjiet ta’ dgħajjes tal-ġiri u tal-qlugħ, mużika, logħob tan-nar u ħafna aktar. Il-programm jibda’ wara nofsinhar fil-festa pubblika u jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija, b’diversi attivitajiet sportivi binhar, u ċelebrazzjonijiet ikkuluriti billejl.
Waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali hija l-Grand Entry, parata epika fejn il-karattru tal-Granmastru jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-vapur Fernandes, akkumpanjat minn numru ta’ dgħajjes privati, u jiżbarka ħdejn Pinto 5. Dawk li għandhom dgħajjes privati huma mistiedna jipparteċipaw f’din il-parata. Wara, dawn għandhom l-opportunita’ li jankraw id-dgħajjes tagħhom f’sezzjoni apposta fil-port, minn fejn jistgħu jassistu għall-kumplament tax-xow.
Fost l-attivitajiet l-oħra hemm l-Għawma Toni Bajada – sfida tal-għawm fejn dawk interessati jistgħu jirreġistraw biex jgħumu mill-Forti Sant’Anġlu sal-Belt Valletta – kif ukoll Tellieqa Toni Bajada – tellieqa tal-għawm twila żewġ kilometri f’forma ta’ trijanglu, li tibda u tispiċċa fis-slipway f’Xatt il-Barriera. Madwar 200 għawwiem huma mistennija jipparteċipaw.
Dawk interessati jistgħu wkoll jużaw il-kreattività tagħhom biex joħolqu raftijiet minn materjal riċiklat matul Tellieqa Telliqun. Dawn ir-raftijiet ma’ jistghux jitħaddmu b’mutur jew bil-qdif.
Diversi dgħajjes tar-regatta, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali, se jtellqu minn ħdejn id-Dwana l-qadima lejn Ras Ħanżir u lura, filwaqt li tnax -il dgħajsa tat-tip Chaudron u tmienja u għoxrin dgħajsa tal-qlugħ se joffru divertiment għal dawk preżenti bil-korjografiji rispettivi tagħhom fil-Port il-Kbir.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jibqgħu għaddejjin sa tard billejl. Wara nżul ix-xemx, il-Port il-Kbir se jiġi animat minn projezzjonijiet fuq purtiera tal-ilma, wirja minn La Fura Dels Baus, kif ukoll xow pirotekniku kbir għall-grand finale, li jinkludi logħob tan-nar fuq l-ilma kif ukoll fuq il-Forti Rikasli.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qal “Bil-Valletta Pageant of the Seas, il-Port il-Kbir maestuż tagħna se jsir bħal palk teatrali. Din hija edizzjoni speċjali li se ddum sitt siegħat. Din hija waħda mill-attrazzjonijiet tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 218. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li se jipparteċipaw u nħeġġeġ lill-pubbliku jingħaqad magħna fil-Port il-Kbir”.
“Il-‘Valletta Pageant of the Seas’ hija r-relazzjoni bejn il-Belt Valletta u l-baħar li jdawwarha, mill-istess formazzjoni tal-Belt, sal-fatt li tul is sekli, l-ibħra kienu l-għixien tal-Belt. B’dan l-avveniment se nkunu qed niċċelebraw diversi karatteristiċi Maltin fi sfond li tant aħna magħrufin għalih -il-Port il-Kbir,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li pajjiżna għamel passi kbar fejn jidħol is-settur kulturali f’dawn l-aħħar snin u ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta 2018 huma prova u turija ċara tas-suċċess ta’ pajjiżna f’dan is-settur. Il-Valletta Pageant of the Seas toffri ftit minn kollox, għal kulħadd – tlielaq kompetittivi, spettaklu viżwali fuq il-baħar, mużika u anke logħob tan-nar. Dan l-avveniment jiġbor diversi aspetti tal-kultura Maltija f’daqqa, kif mistenni minn Valletta 2018. Din se tkun festa kbira oħra li se titniżżel mal-lista ta’ ċelebrazzjonijiet kbar u ta’ suċċess f’pajjiżna u fil-belt kapitali tagħna. Dan l-ispettaklu żgur mhux ta’ min jitilfu.”
Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ In Guardia Parade, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Birkirkara St Joseph Sports Club, Għaqda Regatta Nazzjonali, Chaudron Powerboats, Surfside Charter Company Ltd, Mad About Video Ltd, La Fura Dels Baus, is-Soċjetà Mużikali ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, u l-Independent Fireworks Factory. Dan l-avveniment hu ssapportjat mill-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, il-kunsilli lokali rispettivi tal-Belt Valletta, l-Furjana, L-Isla u l-Kalkara, il-Kunsill Malti tal-Arti u Heritage Malta.
Għal programm sħiħ ta’ attivitajiet u għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org.
PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET
Valletta Pageant of the Seas 2018
Il-Ħamis, 7 ta’ Ġunju, 2018
TELLIEQA TONI BAJADA
Tellieqa tal-għawm ta’ 2km, tibda u tispiċċa fis-slipway ta’ Xatt il-Barriera. Madwar mitejn għawwiem se jipparteċipaw f’din it-tellieqa f’forma ta’ trianglu.
Organizzata minn: Birkirkara St Joseph Sports Club
Appoġġjata minn: Red Cross, Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ALE Rafts
Ħin: 4.30pm
THE GRAND ENTRY
Il-Granmastru, akkumpanjat minn membri ta’ In Guardia, jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes – li se jkun imżejjen għall-okkażjoni – akkumpanjat minn grupp ta’ dgħajjes privati. Il-Fernandes ibaħħar sa Pinto 5, fejn il-Granmastru u In Guardia jiżbarkaw. Is-sidien tad-dgħajjes privati parteċipanti huma mistiedna joħorġu mill-port, inkella jankraw id-dgħajjes tagħhom f’sezzjoni apposta fil-port.
Ħin: 5.30pm
REGATTA
Tmien dgħajjes tar-regatta Maltin u tmien dgħajjes internazzjonali jtellqu minn ħdejn id-Dwana l-antika sa Ras Ħanżir u lura
Ħin: 6.15pm
TELLIEQA TELLIQUN
Tellieqa divertenti madwar il-port fuq raftijiet magħmulin mill-parteċipanti mingħajr l-użu ta’ mutur jew qdief. Ir-raftijiet huma kollha magħmula minn materjal riċiklat.
Ħin: 6.45pm
GĦAWMA TONI BAJADA
Għawma f’linja dritta bejn Forti Sant’Anġlu u s-slipway ta’ Xatt il-Barriera. L-għawwiema kollha se jirkbu d-dgħajsa Atlantis minn ħdejn il-Pixkerija l-antika, u jiżbarkaw ħdejn Forti Sant’Anġlu minn fejn tibda t-tellieqa.
Organizzata minn: Birkirkara St Joseph Sports Club
Appoġġjata minn: Red Cross, ALE Rafts u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Ħin: 7.00pm
WIRJA MINN CHAUDRON POWERBOATS
Tnax -il dgħajsa tat-tip Chaudron jidħlu fil-Port il-Kbir u jippreżentaw koreografija ta’ ħmistax -il minuta.
Ħin: 7.45pm
ĊERIMONJA GĦOTI TA’ PREMJI
Jingħata l-Palju mir-rebbieħa tal-2016 lir-rebbieħa tal-2018. Jinkludi rappreżentazzjonijiet mużikali minn baned.
8.00pm – 9.00pm
WIRJA TA’ DGĦAJJES TAL-QLUGĦ
Tmienja u għoxrin dgħajsa tal-qlugħ, imżejna bi bnadar u dwar, jidħlu fil-port mill-yacht marina tal-Kalkara u jippreżentaw koreografija ta’ għoxrin minuta.
Ħin: 9.00pm
KOR
Kor ikanta biċċa mill-opra ġdida, Aħna Refuġjati
Ħin: 9.20pm
PROJEZZJONIJIET FUQ L-ILMA
Il-Port il-Kbir se jiġi animat bi projezzjonijiet awdjoviżwali fuq purtiera tal-ilma
Ħin: 9.45pm
LA FURA DELS BAUS
Wirja mill-grupp teatrali Spanjol, La Fura Dels Baus
Ħin: 10.05pm
GRAND FINALE
Wirja piroteknika fil-Port il-Kbir, li tinvolvi logħob tan-nar fuq numru ta’ riggijiet fl-ilma kif ukoll logħob tan-nar fl-ajru minn fuq Forti Rikasli
Ħin: 11.00pm