Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tesplora r-rwol tal-marka tal-post (place branding) u d-diplomazija kulturali fit-trasformazzjoni tal-bliet u tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħhom matul il-konferenza annwali li ġejja intitolata “Living Cities, Liveable Spaces”, li se ssir bejn it-22-24 ta’ Novembru 2017.
Din il-konferenza se tiġbor flimkien esperti fl-oqsma tal-urbaniżmu, l-attiviżmu, id-diplomazija kulturali, l-iżvilupp komunitarju u t-teorija kritika biex jiddibattu dwar kif l-attività kulturali kontinwa tagħmel impatt fuq l-abitabilità ta’ belt, il-kwalità tal-ħajja tal-persuni fi ħdan il-belt, kif ukoll il-viżibilità u r-reputazzjoni globali tal-belt.
Kelliema ewlenija matul il-konferenza jinkludu lil Prof. Sebastian Olma, teorista ewlieni kritiku u tad-disinn u l-awtur ta’ “In Defence of Serendipity: For a Radical Politics of Innovation”. Il-konferenza se tiġi wkoll indirizzata fost l-oħrajn minn Jaakko Blomberg, attivista urban ibbażat il-Finlandja, Dr Tricia Austin, konsulenta tad-disinn u akkademika is-Central Saint Martins, u Bjorn Vassallo, id-Direttur tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Membri fil-FIFA.
Il-konferenza se tinkludi wkoll serje ta’ sessjonijiet paralleli, li jippermettu lil riċerkaturi minn madwar id-dinja biex jesploraw il-fenomenu tal-marka tal-post u tal-benessri tal-komunità. Wara sejħa pubblika għal dokumenti ta’ ħidma, intbagħtu aktar minn 70 proposta minn madwar id-dinja. Dawn is-sessjonijiet paralleli se jiddiskutu bosta temi, fosthom l-użu tal-kultura u l-kreattività fid-diplomazija, l-isfidi ffaċċjati mill-bliet fil-kuntest kontemporanju, u l-iżviluppi tal-bliet u tal-ispazji urbani tal-futur.
Din hi r-raba’ konferenza internazzjonali annwali ta’ Valletta 2018 wara l-ewwel konferenza intitolata “Dialogue in the Med: exploring identity through networks” li saret fl-2014, it-tieni konferenza “Cultural Mapping: Debating Spaces and Places” li saret fl-2015, u l-konferenza li saret fl-2016 intitolata “Cities as Community Spaces”.
Il-konferenza se ssir fil-Grand Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Aktar informazzjoni, inkluż dettalji dwar ir-reġistrazzjoni għall-konferenza, jistgħu jinsabu fuq conference.valletta2018.org. Ir-reġistrazzjoni bil-prezzijiet bir-rata bikrija se tkun disponibbli sal-1 ta’ Settembru 2017. Għal aktar dettalji, ikkuntattja l-Fondazzjoni Valletta 2018 fuq 2124 2018 jew [email protected].