Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-għaqda non-governattiva, SOS Malta nedew Tal-Kultura; il-programm tal-volontarjat għal Valletta 2018. Voluntiera Tal-Kultura, ser ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’diversi avvenimenti u attivitajiet ta’ Valletta 2018 billi jgħinu bħala uxxiera u gwidi waqt l-avvenimenti kif ukoll fix-xogħol ta’ komunikazzjoni u produzzjoni, fost affarijiet oħra.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Valletta 2018 qed timplimenta programm kulturali b’saħħtu li qed jistimola riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika fil-Belt Valletta kif ukoll fil-bliet u l-irħula Maltin. Voluntiera li jingħaqdu ma’ Tal-Kultura ser ikollhom opportunità unika li jkunu parti minn avvenimenti nazzjonali fuq skala kbira u proġetti oħra li ser jittellgħu din is-sena, fl-2017 u matul l-2018 “.

Għal din ir-raġuni, il-Fondazzjoni Valletta 2018 appuntat lil JD Farrugia bħala maniġer tal-programm tal-volontarjat Tal-Kultura.

“Permezz tal-programm Tal-Kultura rridu nistabbilixxu l-volontarjat bħala aspett importanti u prattika kommuni fis-settur tal-arti u l-kultura f’Malta” qal JD Farrugia, maniġer tal-programm Tal-Kultura. Il-programm għandu l-għan li jattira voluntiera minn kull qasam tas-soċjetà sabiex iħossu li għandom parti importanti fil-programm kulturali u l-avvenimenti relatati ma’ Valletta 2018 u li jiffurmaw parti minn tim kbir ta’ nies li se jkollhom rwol vitali fl-istabbilixximent tal-legat kulturali tagħha.

Il-voluntiera Tal-Kultura se jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw ħiliet ġodda permezz tat-taħriġ li ser jirċievu kif ukoll permezz tax-xogħol volontarju, jiltaqgħu ma’ nies interessanti u jesperjenzaw b’mod dirett l-avvenimenti ta’ Valletta 2018. Programmi tal-volontarjat fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-passat kienu popolari ħafna u tejbu l-esperjenza ta’ dawn l-avvenimenti għall-volontiera u għall-pajjiż b’mod ġenerali.

Claudia Taylor East, CEO ta’ SOS Malta tenniet; “Nemmen li l-volontarjat huwa espressjoni ewlenija ta’ ċittadinanza attiva. Il-programm Tal-Kultura huwa espressjoni ta’ solidarjetà, tal-bini tal-identita’ Maltija u ta’ valuri sodi billi inti tagħti lill-komunità l-impenn, il-ħin u l-enerġija tiegħek.”

Persuni interessati li jingħaqdu bħala voluntiera ma’ Tal-Kultura jistgħu japplikaw fuq www.talkultura2018.org u jistgħu jsegwu Tal-Kultura fuq Facebook biex jibqgħu nfurmati. Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email fuq [email protected].