Magna Żmien – Il-Magna ta’ Memorji Meraviljużi, huwa proġett li ġie mniedi riċentament bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Il-proġett joħloq opportunità unika sabiex wieħed jiġbor, jiddiġitizza u jaċċessa stejjer u memorji antiki li qed jintesew, u li jinsabu merfugħin f’kollezzjonijiet personali awdjoviżivi li jinsabu fid-djar tal-Maltin.

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jiġġenera kontenut diġitali, billi joffri li jikkonverti kollezzjonijiet personali awdjoviżivi b’format antik, bħal dawk taż-żigarelli, il-kasetts, ir-ritratti, id-diski u l-filmati, għal format diġitali. B’dan il-mod, dawn il-kollezzjonijiet awdjoviżivi jiġu salvati minn li jiddiżintegraw, u jiġu ppreservati għall-futur. Il-materjal irrekordjat li jinsab fuq dawn il-kollezzjonijiet huwa parti minn wirt intanġibbli, u fih informazzjoni importanti dwar l-istorja tal-gżira tagħna fis-seklu għoxrin.

Ir-riċerka li qed titmexxa minn Magna Żmien qed issir possibbli bl-għajnuna tal-kunsilli lokali f’erba’ lokalitajiet: il-Birgu, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex. Dawn tal-aħħar qed jinkoraġġixxu lin-nies tal-irħula rispettivi sabiex jaqsmu l-memorji personali tagħhom ma’ ħaddieħor permezz ta’ dan il-proġett. Il-kontenut li jiġi ġġenerat bis-saħħa ta’ dan il-proġett ser jiġi esibit f’diversi attivitajiet fil-lokalitajiet rispettivi, iżda nies minn kull lokalita’ f’Malta u Għawdex huma mistiedna jipparteċipaw.

Il-bażi ta’ dan il-proġett hija l-kreazzjoni ta’ studjo fejn memorji antiki f’formats antiki jistgħu jiġu kkonvertiti għal dawk diġitali, bl-għan li l-kontenut tagħhom jiġi ppreservat mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.

Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar dan il-proġett billi tidħol fuq www.magnazmien.com, jew fuq FacebookInstagram u Twitter.