Bejn id-19 u t-23 ta’ Lulju, ir-raħal tan-Nadur ser jospita l-laqgħa tal-Karta Ewropea tal-Komunitajiet Rurali.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li, “dan il-proġett juri eżattament xi tfisser Valletta 2018 – proġett kulturali li jinkludi nies mill-oqsma kollha tal-ħajja, komunitajiet, kulturi u esperjenzi differenti. Il-European Charter hu eżempju ta’ kif il-kultura tista’ tgħaqqad in-nies flimkien.” Kompla jgħid li, “l-persuni li ġejjin f’pajjiżna għal dan l-avveniment se jkunu qed iduqu togħma ta’ Valletta 2018 u dak li kienet kapaċi tagħmel, meta jesperjenzaw mill-qrib ir-riġenerazzjoni kulturali li saret fil-Belt Valletta matul din is-sena fl-aħħar jum tagħhom f’pajjiżna.”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li laqgħa ta’ din id-dimensjoni fil-gżira Għawdxija turi li l-viżjoni li għandu l-Ministeru qed tħalli l-frott. Dan għaliex f’Għawdex ser tlaqqa’ din il-konferenza biex jiġu diskussi temi ta’ dimensjoni internazzjonali. Caruana ferħet lill-kunsill lokali tan-Nadur ta’ din l-inizjattiva interessanti u faħħret il-kollaborazzjoni li l-kunsill adotta mal-Ministeru għal Għawdex biex din il-laqgħa sseħħ proprju f’Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li matul din is-sena, il-Ministeru għal Għawdex u l-kunsilli lokali Għawdxin ħadmu id f’id fuq diversi oqsma u li ħallew il-frott u impatt pożittiv fil-komunità rispettiva tagħhom. Caruana rringrazzjat ukoll lill-Fondazzjoni Valletta 2018 li permezz tal-viżjoni tagħha, l-aspett kuturali verament infirex mal-pajjiż kollu fejn anke Għawdex ħa l-parti tiegħu.
Is-Sindku tan-Nadur, Edward Said, qal li “din l-attività ser tara madwar 200 persuna li huma ġejjin minn 28 pajjiż fl-Unjoni Ewropea, fejn it-tema ewlenija ser tkun dik tas-solidarjetà u se tingħata togħma kuturali mill-aqwa ta’ dak li għandu x’ joffri Għawdex”.