Il-proġett artistiku u multidixxiplinari ta’ Valletta 2018 fi ħdan iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, ġie inawgurat illum. Dan il-proġett juri x-xogħol kollu li qed isir fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, fejn l-arti qed tiġi użata sabiex il-pazjenti jħossuhom aħjar kif ukoll jesprimu ruħhom.

Il-proġett hu wieħed kumpless, koordinat mill-artista Pamela Baldacchino u l-Psikologu Prinċipali taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Dr. Benna Chase. Dan il-proġett jinkludi programm artistiku, programm ta’ Artist in Residency, rinnovazzjonijiet fil-‘multi-faith room’, kif ukoll diversi workshops għall-pazjenti.

Il-programm tal-arti maħluq għal Deep Shelter jinkoraġġixxi lill-artisti li ħadu sehem biex jinteraġixxu mal-ispazju fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, kif ukoll mal-ħtiġijiet tal-pazjenti, il-qraba u l-ħaddiema tal-istess ċentru, biex joħolqu pitturi li jagħmlu l-ispazju jidher ftit inqas bħal sptar u aktar personali. Grazzi għal dan il-proġett, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija issa għandu diversi pitturi installati fil-kurituri, u l-kmamar li fihom issir it-terapija. Dawn il-pitturi kollha saru apposta għal dan il-proġett, inkella ġew mogħtija lil dan il-proġett mill-artisti. Apparti dawn, erba’ settijiet ta’ ħames ritratti, kollha ispirati min-natura, ġew maħluqa speċifikament biex jiddendlu ġewwa l-wards tal-pazjenti. Il-pazjenti jistgħu jagħżlu liem minn dawn togħġobhom l-aktar, biex imbagħad din tiddendel fil-kamra tagħhom għaż-żmien li jkunu qed jieħdu l-kura.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Catherine Tabone qalet li dan huwa proġett speċjali għal Valletta 2018,  għax juri li l-arti mhix biss xi ħaġa li naraw f’kuntest ta’ esibizzjoni. “Permezz ta’ dan il-proġett, l-arti qed tintuża sabiex tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli, waqt li qed jaffaċċjaw mard serju”.

Ir-riċerka li saret miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo turi kif il-bniedem idur lejn l-ispazji personali, il-pajsaġġi naturali, il-belt tiegħu u d-dar tiegħu meta jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn irid ikampa ma’ esperjenzi diffiċli. Għal pazjenti bil-kanċer, dan jista’ jsir permezz tal-arti. L-arti fi spazju kliniku tista’ trawwem ambjent aktar komdu u terapewtiku għall-pazjent, u tista’ wkoll tnaqqas is-sens ta’ iżolament u ansjetà kif ukoll tgħin fit-trattament u l-immaniġġjar tal-kundizzjoni tal-pazjent.

Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi riflessjoni dwar l-esperjenza tal-mard, l-isptar u l-kura, u r-relazzjoni tagħhom mal-proċess tal-arti viżiva.

Il-proġett isegwi l-istejjer tal-pazjenti li joħorġu matul il-vjaġġ lejn il-fejqan tagħhom; stejjer li ta’ spiss jirriflettu sentimenti ta’ nostalġija għad-dar, ix-xewqa għall-kompassjoni u x-xewqa għall-protezzjoni.

Il-Proġett Deep Shelter huwa maħluq minn Pamela Baldacchino u organizzat minn Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Isptar Mater Dei, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo u l-Università ta’ Malta.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta