Il-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale Arte 2017 għadu kif ġie inawgurat uffiċjalment. Dan huwa r-ritorn ta’ Malta għall-57 edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali tal-Arti prestiġjuża wara assenza ta’ kważi żewġ deċennji.

Il-Padiljun ta’ Malta, li kien ikkummissjonat bħala parti mill-programm mill-Kunsill Malti għall-Arti, u li juri l-arti ta’ Malta internazzjonalment, jinsab f’lok ċentrali fl-Artiglierie fiż-żona tal-Arsenale f’Venezja mit-13 ta’ Mejju sas-26 ta’ Novembru 2017.

La Biennale di Venezia, li twaqqfet fl-1895, hija waħda mill-aktar organizzazzjonijiet kulturali famużi u prestiġjużi tad-dinja u tattira ‘l fuq minn 500,000 viżitatur. Din is-sena, il-Wirja se tinkludi wkoll 85 Parteċipant Nazzjonali.

Il-Padiljun ta’ Malta nfetaħ uffiċċjalment mill-E.T. Vanessa Frazier, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Italja; Albert Marshall, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti; flimkien ma’ Bettina Hutschek u Raphael Vella, Kuraturi Konġunti tal-wirja tal-Padiljun ta’ Malta.

Il-wirja kunċettwali: Homo Melitensis: An incomplete history in 19 chapters, b’xogħlijiet minn artisti kontemporanji kif ukoll artifatti storiċi, tipprovdi investigazzjoni assoċjattiva tal-identità Maltija f’installazzjoni kumplessa li tgħaqqad flimkien xogħolijiet tal-arti, oġġetti, u dokumenti f’arranġament mhux ġerarkiku u a-kronoloġiku. Id-19-il kapitolu jieħdu l-udjenzi fuq vjaġġ elaborat li jimxi simultanjament f’direzzjonijiet differenti u jiġbor kampjuni tal-istorja naturali, ġenoma nazzjonali, nawfraġju antik, migrazzjoni, kartografija, oġġetti ritwalistiċi, karattri transġeneri, u artifatti oħrajn li bil-logħob iżewqu l-fatti u l-finzjoni, il-kostruzzjoni u dekostruzzjoni tal-identità, b’oġġetti sovversivi li jiltaqgħu ma’ oġġetti ubbidjenti.

“Illum jimmarka stadju importanti fl-istrateġija internazzjonali tal-Kunsill Malti għall-Arti,” qal il-kap eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall. “Stinkajna bi sħiħ biex nirritornaw f’Venezja u rnexxielna niksbu l-investiment permezz tal-appoġġ kemm pubbliku kif ukoll privat. Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura u l-Ministeru għall-Finanzi. Il-Padiljun ta’ Malta huwa parti mill-programm kulturali tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill għall-Unjoni Ewropea u aħna għandna l-għan li nkomplu nibnu fuq dan il-momentum biex niżguraw li x-xogħolijiet artistiċi ta’ eċċellenza jkollhom aċċess għal pjattaformi internazzjonali oħrajn.”

Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta bħala mistieda speċjali kien hemm l-attriċi ċelebri Taljana, Maria Grazia Cucinotta. Cucinotta hija magħrufa l-aktar għall-parti tagħha bħala Beatrice Russo fil-film tant maħbub Il Postino, dirett minn Michael Radford, dwar il-poeta Pablo Neruda, kif ukoll bħala Bond Girl fil-film The World is Not Enough. Hija dehret f’aktar minn 40 film globalment, apparti mill-parteċipazzjoni tagħha f’bosta programmi tat-TV fl-Italja u lil hinn.

Maren Richter, il-kuratur tal-wirja ewlenija tal-Arti Viżiva tal-Programm Kulturali tal-Valletta 2018, se tkun qed titkellem f’“Harbour for Cultures”, Forum li se jiddiskuti l-funzjonijiet storiċi tal-attivitajiet tal-port imwettqa għall-interessi ekonomiċi; li se jkun parti mill-Biennale 2017 ta’ Venezja.