Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Aħħar Festa: L-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018
Is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura uffiċjalment waslet fi tmiemha llejla b’ċelebrazzjoni enormi fil-Belt Valletta.
Dan l-avveniment jimmarka t-tmiem ta’ programm kulturali ta’ suċċess imwettaq mill-Fondazzjoni Valletta 2018, li ra aktar minn 400 avveniment jittella’ madwar Malta u Għawdex fl-2018, b’attendenza ta’ aktar minn 400,000 ruħ u li ta spinta lill-infrastruttura kulturali, soċjali u ekonomika madwar il-Belt Valletta. Matul is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ikkollaborat ma’ aktar minn 1,600 artist lokali u internazzjonali. Il-maġġoranza tal-artisti internazzjonali ġew minn pajjiżi Ewropej bħal Franza, il-Belġju, l-Awstrija, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, il-Polonja u r-Renju Unit, biex insemmu xi wħud minnhom, kif ukoll minn pajjiżi oħra mill-Afrika ta’ Fuq u Ċentrali u fil-Lvant Nofsani.
Ħafna nġabru fil-Belt Valletta nhar is-Sibt biex igawdu minn rappreżentazzjonijiet live minn Tribali, Brass House Unit, Ozzy Lino, Dj NeoX u Moveo Dance Company fuq il-palk ewlieni fi Pjazza San Ġorġ.
Il-ġurnata miftuħa f’MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti li fetaħ m’ilux, kien ukoll suċċes kbir, b’eluf ta’ persuni jżuru l-mużew b’xejn matul il-ġurnata.
L-Aħħar Festa tingħaqad mal-lista ta’ avvenimenti kbar fil-belt organizzati mill-Fondazzjoni, li inkludew il-Ftuħ Uffiċjali ta’ Valletta 2018, il-Festa l-Kbira, il-Valletta Green Festival u l-Valletta Pageant of the Seas, li flimkien irreġistraw attendenza ta’ aktar minn 350,000 persuna.
Matul l-2018, aktar minn 5,000 persuna attendew numru ta’ avvenimenti relatati mal-mużika organizzati minn Valletta 2018 matul is-sena. Dawn kienu jinkludu kunċerti live f’ġeneri fosthom il-jazz għall-klassiku għall-opera għall-hip hop, li saru madwar diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Valletta 2018 kellha wkoll l-opra tal-istaġun tagħha, li kkonsista minn tliet opri: Aħna Refuġjati, Corto Maltese: The Ballad of the Salty Sea u r-Rappreżentazzjoni Mużika-Teatru ta’ Orfeo & Majnun. Flimkien, dawn it-tliet opri rreġistraw attendenza ta’ aktar minn 4,700 persuna.
Il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 inkluda wkoll numru ta’ proġetti li involvew membri tal-komunità, tfal u anzjani. Il-maġġoranza ta’ dawn l-avvenimenti ttellgħu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, bil-kollaborazzjoni ta’ kunsilli lokali u skejjel primarji. Dawn kienu jinkludu lil Altofest Malta, Solar Cinema, Magna Żmien, Ġaħan 18, The Strange Travels of Señor Tonet u Años Luz. Aktar minn 3,000 membri tal-komunità pparteċipaw f’Orfeo & Majnun: Sfilata fil-Kapitali, b’parteċipanti diversi fosthom mużiċisti, żeffiena, nies li bnew u mexxew l-annimali, rakkontaturi tal-istejjer u artisti oħrajn.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tixtieq tirringrazzjakom talli pparteċipajtu magħna f’dan il-vjaġġ straordinarju tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura magħna. Is-sena ma setgħetx tkun ta’ suċċess mingħajrkom!
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta