Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet il-ktieb “On Culture: Mapping Valletta 2018” – pubblikazzjoni li tippreżenta riċerka multidixxiplinarja fuq l-użu ta’ spazji kulturali f’Malta u Għawdex.

Iċ-ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, fl-indirizz tiegħu lill-udjenza preżenti waqt it-tnedija, qal “Ir-Riċerka tagħtina ċ-ċans neżaminaw dak li l-komunitajiet iridu u għandhom bżonn. Hija tgħinna nsaħħu l-valur tal-proposti tagħna”.

Is-Sur Micallef iddeskriva l-pubblikazzjoni bħala “pass pożittiv fl-iżgurar ta’ djalogu kostanti mal-komunità  – mal-udjenza tagħna”.

Il-ktieb, li issa jinsab għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba ewlenin u fil-ħwienet tal-Agenda, jittratta diversi suġġetti, mit-Tango Arġentin sal-użu tal-ispazji tat-teatru – minn firxa wiesgħa ta’ setturi akkademiċi, bħala parti mill-proġett ‘Cultural Mapping’ ta’ Valletta 2018. Din l-analiżi qed titwettaq fid-dawl tas-settur kulturali ta’ Malta li dejjem jinbidel bi tħejjija għal Valletta 2018, filwaqt li tpoġġi fuq quddiem mod ta’ ħsieb ġdid dwar ir-realtajiet kulturali ta’ Malta.

Il-Prof. Vicki Ann Cremona, l-Editriċi ta’ dan il-ktieb, stqarret li l-ktieb huwa parti mill-kontribut li tagħti l-Università ta’ Malta għat-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hija ddeskriviet il-ktieb bħala “serje ta’ studji multidixxiplinarji li jiffukaw fuq l-isfera pubblika. Fuq naħa, jiddiskutu l-aspett soċjali u jħarsu lejn id-demokratizzazzjoni, l-involviment pubbliku, il-paretċipazzjoni u l-aċċessibbiltà. Fuq in-naħa l-oħra, jeżaminaw il-governanza fir-rigward tal-Kunsilli Lokali u l-infrastrutturi bħalma huma l-libreriji u t-teatri.”

‘Cultural Mapping’ huwa proġett ta’ riċerka ta’ Valletta 2018 imfassal biex jiġġenera u jivvaluta l-informazzjoni dwar l-użu ta’ spazji għal skopijiet kulturali f’Malta u f’Għawdex. Il-proġett qed joħloq  database ta’ informazzjoni ta’ siwi kbir li jirreġistra l-użu kulturali ta’ spazji pubbliċi u privati fil-gżejjer kollha. L-ewwel biċċa xogħol li kellu dan il-proġett, il-mappa interattiva onlajn culturemapmalta.com,  tnediet f’Mejju 2015. F’Ottubru 2015 saret konferenza internazzjonali dwar is-suġġett bl-isem ta’ ‘Cultural Mapping: Debating Spaces and Places’.

It-tielet element tal-proġett ‘Cultural Mapping’, li jitwieled mir-riċerka li saret għal din il-pubblikazzjoni, huwa ‘Theatres Audit’ li bħalissa baqagħlu nofs triq biex jitlesta. Il-proġett ‘Theatres Audit’ se jħares lejn it-teatri f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex mill-perspettiva artistika, teknika u strutturali sabiex toħroġ stampa ċara tal-istat li jinsabu fih dawn it-teatri u tal-interventi li jista’ jkollhom bżonn.

Il-proġett ‘Cultural Mapping’ ta’ Valletta 2018 se jsir f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u bl-appoġġ tal-‘Culture and Audiovisual Unit’ fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustiizzja, il-Kultura u l-Gvern. Il-ktieb huwa ppubblikat minn Midsea Books.

Biex tkun taf aktar dwar il-proġett ‘Cultural Mapping’ ikklikja hawn.