Il-Valletta Green Festival, avveniment annwali fil-kalendarju ta’ Valletta 2018 li issa jinsab fil-ħames edizzjoni tiegħu, fetaħ kmieni dalgħodu fi Pjazza San Ġorġ. L-attrazzjoni prinċipali f’din il-pjazza bħalissa hi bla dubju l-infjorata ikonika, sinonima ma’ dan il-festival, li din is-sena għandha t-tema tal-festa.

L-infjorata ta’ din is-sena hi l-ikbar waħda li qatt kellu dan il-festival, magħmula minn 110,000 pjanta. Infetaħ ukoll ġnien fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali, li jħares għal fuq l-infjorata.

Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018, Jason Micallef, spjega kif “inħolqu żewġ ġonna għal din l-edizzjoni tal-Valletta Green Festival – il-ġnien fi Pjazza San Ġorġ kif ukoll il-ġnien fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali. Permezz ta’ dan qed nagħtu eżempju lil organizzazzjonijiet oħra tal-Gvern, sabiex jużaw l-ispazji tagħhom sew, billi jibdluhom fi spazji ħodor li jkunu aċċessibli għall-pubbliku kollu. Permezz ta’ dan l-eżempju, il-pubbliku jista’ wkoll jitħajjar joħloq spazji ħodor fi djaru.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista, qal li “din is-sena se jkun qed jipparteċipa wkoll iċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina f’Malta, li fi spazju ta’ 8 metri se jkun qed jirrikonoxxi l-ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, flimkien mal-għarfien dwar l-ambjent u l-filosofija ta’ pajjiż daqshekk antik bħal ma hi c-Ċina. Dan il-proġett se jirrifletti l-idea kulturali Ċiniża tal-importanza tas-saħħa fiżika u emozzjonali f’kuntest modern. Din m’hix l-ewwel darba li ċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina ħalla l-marka tiegħu fuq dan is-settur, u nixtieq nirringrazzjahom tal-investiment u l-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn l-attivitajiet, u tas-sapport li dejjem jagħtu lis-settur kulturali Malti.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li l-infjorata ta’ din is-sena li fiha 110,000 pjanta, tiċċelebra t-tema ta’ Valletta 2018. Din is-sena hi xhieda ċara tal-progress kbir li għamlet Malta fis-settur tal-kultura. L-attivitajiet kulturali u ċ-ċelebrazzjonijiet kollha li qed jiġu organizzati matul din is-sena madwar Malta u Għawdex huma eżempju ċar ta’ kemm il-pubbliku għandu għal qalbu l-kultura, u kemm tinsab fiċ-ċentru tal-istrateġija tagħna.”

“Nixtieq nifraħ lit-tim ta’ Valletta 2018 li ħa ħsieb jorganizza l-Valletta Green Festival, għad-dedikazzjoni u x-xogħol eċċellenti tagħhom. Inħossni onorat li l-Ministeru tiegħi ipparteċipa bis-sħiħ sabiex jassikura li dan il-festival ikun ta’ success u li jilħaq l-għanijiet tiegħu u li jqajjem kuxjenza ambjentali”, qal il-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, Jose’ Herrera.

Apparti l-infjorata u l-ġnien fuq il-bejt, se jkunu qed isiru diversi workshops u attivitajiet edukattivi fi Pjazza San Ġorġ. Dawn jinkludu workshops minn Solar Cinema, ċinema mobbli mħaddma bl-enerġija solari li turi programm ikkurat ta’ films qosra, lokali u internazzjonali li qatt ma dehru, f’postijiet mhux tas-soltu. Solar Cinema hu wkoll proġett ta’ Valletta 2018.

Tul tmiem il-ġimgħa kollu, se jittella’ programm ta’ attivitajiet għall-familja kollha, li se joffri lil dawk li jżuru l-Belt Valletta l-opportunita’ li jaraw ukoll uħud mit-teżori storiċi tal-Belt, inkluż il-ġonna u l-Piano Nobile tal-Palazz tal-Arċisqof, li għandhom erba’ mitt sena, il-ġonna tal-Monasteru ta’ Santa Katerina, kif ukoll il-ġonna tal-Knisja ta’ Santu Wistin u tal-Bażilika ta’ San Duminku. Dawn se jkunu miftuħa mill-Ġimgħa sal-Ħadd, bejn id-9.30am u n-12.30pm u bejn l-4pm u s-7pm.

Il-ġnien fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali se jibqa’ miftuħ sat-13 ta’ Mejju.

Valletta 2018 qed taħdem ukoll ma’ Nextbike sabiex tippromwovi transport nadif li jibża’ għall-ambjent. Il-pubbliku hu mistieden jikri r-roti ta’ Nextbike għal sagħtejn, billi jniżżel l-applikazzjoni ta’ Nextbike, jirreġistra, u jdaħħal il-kodiċi: 863386. Dan is-servizz hu bla ħlas.

Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Arċidjoċesi Maltija; il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima; l-Environmental Landscaping Consortium (ELC); id-Dipartiment PARKS, bħala parti mill-kampanja Tree 4 U(34U); WasteServ Malta Ltd; European Green Week, u diversi għaqdiet non-governattivi oħra.

Għal iżjed informazzjoni, żur valletta2018.org.

 

PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET WAQT IL-VALLETTA GREEN FESTIVAL

 

Pjazza San Ġorġ

Esibizzjonijiet minn diversi għaqdiet non-governattivi, fosthom iċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina f’Malta, ELC, Garby&Tidy, Birdlife Malta, SharkLab Malta, Solar Cinema, Żibel, il-Fondazzjoni Gaia, u Wasteserv. Infjorata magħmula minn 150,000 pjanta fuq medda ta’ 1000 metru kwadru.

Data: Il-Ħamis 3 ta’ Mejju – Il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am ‘il quddiem

Post: Pjazza San Ġorġ

 

Xarulu’

Id-dwett mużikali Xarulu’ se jkun qed iferraħ lill-folla bil-muzika, waqt li jimxi mill-Pjazza tal-Parlament lejn Pjazza San Ġorġ

Data: Is-Sibt 5 ta’ Mejju

Ħin: 10am – Nofsinhar

Post: Bidu fil-Pjazza tal-Parlament u mixja lejn Pjazza San Ġorġ

 

Solar Cinema

Solar Cinema se turi film qasir (li ġie prodott waqt workshops li saru fl-aħħar xhur) fuq skrin li se jittella’ quddiem il-Palazz tal-Granmastru

Data: Is-Sibt 5 ta’ Mejju

Ħin: 8.30pm

Post: Pjazza San Ġorġ

 

SITI MIFTUĦIN GĦALL-PUBBLIKU

 

Ġnien fuq il-bejt (Green Roof)

F’Malta, il-bini jgħatti terz tal-gżira, u ma jħallix wisq spazju għall-ħdura u l-ambjent. Il-green roofs huma mod kif pjanti jistgħu jsiru parti minn bini urban. Dawn il-pjanti jista’ jkollhom diversi benefiċċji. Se jkun hemm green roof fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali fi Pjazza San Ġorġ sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-pjanti u ambjent nadif. Din l-esibizzjoni se teduka lill-pubbliku dwar kif jista’ jimplementa inizjattivi ‘ħodor’ f’daru.

Data: Il-Ħamis 3 ta’ Mejju – il-Ħadd 13 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am ‘il quddiem

Post: Bejt tal-Gwardja Prinċipali (Main Guard), Pjazza San Ġorg

 

Il-Knisja ta’ Santu Wistin u l-ġonna tagħha

Il-ġonna tal-Knisja ta’ Santu Wistin, il-knisja, kif ukoll il-pedamenti tal-knisja taħt l-art li ġew skavati riċentament se jkunu miftuħa għall-pubbliku

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq l-Ifran (Entratura minn Triq l-Ifran jew Triq Żekka)

 

Il-Monasteru ta’ Santa Katerina u l-ġonna tiegħu 

Il-ġonna tal-monasteru ta’ Santa Katerina se jkunu miftuħa għall-pubbliku

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq ir-Repubblika

 

Il-Bażilika ta’ San Duminku u l-ġonna tagħha

Il-ġonna u r-refettorju tal-Bażilika ta’ San Duminku se jkunu miftuħa għall-pubbliku

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq San Duminku

 

 

Il-Palazz tal-Arċisqof u l-ġonna tiegħu

Il-ġonna tal-Palazz tal-Arċisqof, iċ-ċisterni ta’ taħt l-art u l-ewwel sular tal-palazz se jkunu miftuħa għall-pubbliku

Data: Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju – il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ħin: 9.30am – 12.30pm u 4pm – 7pm

Post: Triq l-Arċisqof

 

TAĦDIDIET U WORKSHOPS MINN GĦAQDIET NON-GOVERNATTIVI FI PJAZZA SAN ĠORĠ

 

Birdlife Malta

Wirjiet edukattivi dwar l-ambjent selvaġġ

Il-Ħamis 3 ta’ Mejju                12.00pm – 4.00pm

Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju              4.00pm – 8.00pm

 

Workshops dwar it-tħawwil tal-pjanti u taħdidiet edukattivi dwar kif għandu jinħoloq ambjent essenzjali għall-insetti li għandhom bżonn l-għabra tad-dakkra biex jgħixu

 

Il-Ħadd 6 ta’ Mejju                 09.00am – 2.30pm (Workshop: 11.00am – Nofsinhar)

 

Birdlife Malta / SharkLab Malta

Taħdidiet edukattivi dwar il-baħar bħala abitat naturali, mill-perspettiva tal-proġett ta’ Birdlife Malta b’kollaborazzjoni ma’ SharkLab Malta, LIFE Arċipelagu Garnija. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jassikura ambjent san fil-Gżejjer Maltin għall-garnija (Yelkouan Shearwater). L-għan ta’ SharkLab huwa li jżid l-edukazzjoni dwar il-klieb il-baħar, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tal-Baħar Mediterran f’Malta.

Is-Sibt 5 ta’ Mejju                   4.00pm – 8.00pm

 

SharkLab Malta

Wirjiet edukattivi dwar il-klieb il-baħar u l-ħamiem il-baħar

Il-Ħamis 3 ta’ Mejju                4.00pm – 8.00pm

Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju              Nofsinhar – 4.00pm

 

Solar Cinema

Workshops dwar films stop-motion bl-użu ta’ materjal riċiklat

Il-Ħamis 3 ta’ Mejju                9.00am Nofsinhar

Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju              9.00am – Nofsinhar

Is-Sibt 5 ta’ Mejju                   9.00am – Nofsinhar

 

Żibel / Fondazzjoni Gaia

Waqt dawn il-workshops interattivi se jinżebgħu biċċiet tal-injam li nġabru waqt sessjonijiet ta’ tindif li saru minn Żibel. Dawn il-biċċiet tal-injam b’sinjali fuqhom se jitpoġġew f’diversi postijiet madwar Malta, sabiex jinkoraġġixxu lill-pubbliku jżomm l-ambjent nadif.

Is-Sibt 5 ta’ Mejju                   Nofsinhar – 4.00pm

 

Wirjiet edukattivi miż-żewġ għaqdiet. Il-Fondazzjoni Gaia se tkun qed tiffoka fuq pjanti indiġeni u endemiċi u fuq speċi invażivi, u se toffri wkoll introduzzjoni dwar il-programm ta’ volontarjat tagħha. Żibel se tkun qed tiffoka dwar dak li nstab fis-sessjonijiet riċenti ta’ tindif li saru, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, u se tiffoka wkoll fuq problemi kurrenti li għandhom x’jaqsmu mal-plastik fil-Mediterran.

Il-Ħadd 6 ta’ Mejju                 2.30pm – 8.00pm