Is-seminar annwali Culture Matters, li jippreżenta sejbiet mir-riċerka tal-Evalwazzjoni u Monitoraġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 dwar l-impatti tat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, fetaħ aktar kmieni dalgħodu mid-Direttriċi Eżekuttiva Catherine Tabone, is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Id-Direttriċi Eżekuttiva ta’ Valletta 2018 fetħet is-seminar billi tkellmet dwar ir-riżultati mill-Valletta Participation Survey. “Permezz ta’ Culture Matters, il-Fondazzjoni Valletta 2018 tesplora l-legat tat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, tiddiskuti s-sejbiet tal-bidu tar-riċerka tal-Evalwazzjoni u l-Monitoraġġ. Il-figuri tal-bidu juru li l-Belt Valletta hija belt li qed tinbidel għall-aħjar u li hemm aktar għarfien tal-valur storiku u kulturali rikk tagħha. Fir-rigward tal-inklużjoni komunitarja u l-aċċessibbiltà, ir-riżultati juru li sar progress sinifikanti fejn tidħol l-aċċessibilità fiżika. Issa ninsabu ħerqana biex inkomplu nassiguraw l-involviment tal-komunità, inkluż persuni b’diżabilità, mhux biss bħala konsumaturi tal-attività kulturali, iżda wkoll bħala produtturi,” spjegat Catherine Tabone.

“Valletta 2018 huwa pass importanti li qiegħed iħejji bażi għal pedament  li se jieħu l-Belt Valletta lil hinn mill-Kapitali Ewropea tal-Kultura fi tmiem din is-sena. Dan il-pedament se jkun is-sapport  tal-legat ta’ Valletta 2018 għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Dak kollu li ksibna f’dan is-settur b’ħidma u determinazzjoni għandu jitgawda, u jittejjeb mit-tfal tagħna. Dan kollu, u ħafna aktar –  huwa eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern jemmen f’dan is-settur,” qal il-Ministru Bonnici.

“Aktar minn 400 attività se jsiru f’Malta, b’aktar minn 40 f’Għawdex, fi skejjel, klabbs tal-banda, u pjazez, u dawn qed jiddependu mill-inklużjoni tal-udjenzi tagħna. Il-parteċipazzjoni tal-udjenzi hija fenomenu kruċjali dejjem jikber fis-settur kulturali, li għandna nkomplu ninvestu fih billi nwasslu attivitajiet kulturali interattivi lejn il-gżejjer tagħna, u li jiżgura rappreżentazzjonijiet ta’ kwalità għolja fit-teatri, fil-pjazez u fl-ispazji komunitarji tagħna,” qal is-Segretarju Parlamentari Debattista.

Id-Dipartiment tal-Politika Ekonomika nnutat ukoll li s-settur kulturali jiswa għal 7% tal-Valur Miżjud Gross, u jaqbeż is-settur tal-kostruzzjoni u dak ċivili, u s-settur tas-servizzi tal-ikel, bit-tnejn li huma jirreġistraw għal 4% u 5% tal-Valur Miżjud Gross rispettivament. Riċerka minn Jobspplus turi wkoll li l-investiment fis-settur kulturali huwa rifless ukoll fil-ħolqien tax-xogħlijiet fi ħdan is-settur, b’5.37% tax-xogħlijiet fis-settur kulturali fl-ekonomija totali. Kien hemm ukoll żieda stabbli fin-numru ta’ turisti li jżuru l-gżejjer u jgħixu fil-Belt Valletta, kif irrappurtat mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Ir-Riċerka tal-Evalwazzjoni u tal-Monitoraġġ ta’ Valletta 2018 tinkludi wkoll studji li jinvestigaw l-impatti tat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fuq l-iżvilupp urban, fl-inklużjoni komunitarja, fil-parteċipazzjoni kulturali u fl-identità Ewropea, fost l-oħrajn. Ir-Riċerka tal-Evalwazzjoni u l-Monitoraġġ titwettaq mill-NSO, MTA, Jobsplus u l-EPD, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, flimkien ma’ ħames riċerkaturi indipendenti, u titwettaq mid-dipartiment tar-Riċerka fi ħdan il-Fondazzjoni.