Ix-xelter tal-gwerra li jinsab taħt l-eks Sptar Navali Ingliż fl-Imtarfa se jinfetaħ għall-pubbliku waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Military Mtarfa.

Din se ssir nhar il-Ħadd 11 ta’ Novembru — li jaħbat il-100 anniversarju mill-iffirmar tal-Armistizju bejn l-Alleati u l-Ġermanja. L-avveniment se jsir bejn l-10.30am u l-5pm, fl-eks Sptar Navali Ingliż, li nbena apposta għall-kura tal-vittmi militari matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.

Military Mtarfa qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Ix-xelter enormi li jinsab taħt l-eks Sptar Navali Ingliż, serva bħala post ta’ kenn kif ukoll bħala rotta minn fejn il-pazjenti u l-ħaddiema tal-isptar setgħu jaħarbu f’każ ta’ emerġenza waqt il-Gwerra. Dan ix-xelter uniku, li hu fond 6 sulari u jinkludi wkoll teatru fejn isiru l-operazzjonijiet, qatt ma nfetaħ għall-pubbliku wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Din se tkun opportunità unika biex il-poplu Malti jara dan il-kapulavur storiku.

L-avveniment se jibda bi żjara fiċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa fejn saru 238 difna tal-Commonwealth matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Se titqiegħed kuruna ad unur dawn l-individwi, segwita minn salut mill-Grupp tal-Iscouts tal-Imtarfa. Konvoj ta’ mill-inqas 20 vettura militari imbagħad se jimxi lejn l-Isptar Navali fejn l-attività tilħaq il-qofol tagħha.

Fl-Isptar Navali, wieħed jista’ jara diversi ‘re-enactors’ li se juru kif kienu jseħħu diversi eżerċizzji militari u battalji bejn il-forzi Ingliżi u Ġermaniżi. Se jkun hemm ukoll sptar bħal dak li kien jintuża fit-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll il-famuża Victory Kitchen, fost attrazzjonijiet oħra. L-udjenza se jkollha l-opportunità tinteraġixxi mas-suldati waqt li timxi magħhom fit-trunċieri li jdawru l-post, li juru b’mod ċar kif kienet il-ħajja tas-suldati matul il-ġwerra.

Dawk preżenti jistgħu wkoll igawdu minn diversi wirjiet ta’ memorabilja mill-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija, inkluż armi awtentiċi, tagħmir tar-radju u lbies tal-uffiċjali. Entitajiet lokali bħall-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jipparteċipaw f’din l-attività, u se jkunu qed jagħtu ħarsa lejn ir-rwol tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Malta Railway Foundation se tkun qed ittella’ wirja dwar is-Servizz Ferrovjarju Ingliż, li matul il-Gwerra kien jibda mill-Istazzjon tal-Imtarfa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Valletta 2018 dejjem tisħaq l-importanza li attivitajiet kulturali u edukattivi bħal ma hi Military Mtarfa isiru madwar Malta u Għawdex, u mhux biss ġewwa l-Belt Valletta. Din l-attività mill-isbaħ ġewwa l-Imtarfa hi xhieda ta’ dan, u b’hekk hi wkoll parti mil-legat ta’ Valletta 2018.”

Military Mtarfa issa saret parti mill-kalendarju nazzjonali u hija l-attività ewlenija li tikkommemora ir-renju tal-Ingliżi fil-Gżejjer Maltin.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Military Mtarfa fuq Facebook.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta