Ir-Rima Film Festival, vetrina annwali ta’ films li jiżvelaw l-esperjenza suġġettiva tal-eżilju mill-għajnejn ta’ dawk li esperjenzaw il-migrazzjoni, se jsir f’żewġ tmiem il-ġimgħa konsekuttivi: is-26 sad-29 ta’ Ottubru u t-2 sal-4 ta’ Novembru, bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.
Filwaqt li bosta deskrizzjonijiet ċinematiċi u fil-midja dwar il-migrazzjoni jiffokaw fuq l-esperjenzi negattivi tal-eżilju, ir-Rima Film Festival joffri alternattiva għal dawn id-deskrizzjonijiet. Il-festival huwa parti minn Rima, proġett antropoloġiku u artistiku mwieled fl-2014, li hu ddedikat li jirrakkonta l-istejjer li jinkorporaw id-diversi rappreżentazzjonijiet tal-ispostament. B’mod importanti, kważi l-istejjer kollha li se jiġu rrakkontati huma definiti mir-rakkontatur tal-istejjer ewlieni – minn dawk li personalment esperjenzaw l-eżilju.
Din l-edizzjoni tar-Rima Film Festival se tiftaħ b’żewġ films ‘Those Who Jump’, b’direzzjoni ta’ Abou Bahar Sidibé, u ‘La Pirogue’, b’direzzjoni ta’ Mousee Touré, li t-tnejn irċevew premji internazzjonali. Matul il-festival, il-wirjiet se jsiru f’żewġ postijiet differenti: Casa Pereira u l-Mużew Postali ta’ Malta, it-tnejn fil-Belt Valletta, mit-8pm ’il quddiem. Numru ta’ dawn il-wirjiet se jiġu segwiti minn diskussjonijiet ta’ mistiedna speċjali u tad-diretturi.
Wirjiet iddedikati lit-tfal se jsiru l-Ħadd 29 ta’ Ottubru fl-4pm b’żewġ animazzjonijiet: ‘Une giraffe sous la pluie’, film qasir ta’ Pascale Hecquet, segwit mill-ħrafa ‘Azur & Asmar: The Prince’s Quest’ ta’ Michael Oncelot, f’Casa Pereira.
Din is-sena, ir-Rima Film Festival ifakkar lid-direttur tal-films, attur, oratur, kompożitur u poeta Senegaliż Djibril Diop Mambéty li kiseb fama internazzjonali għat-teknika ċinematika esperimentali u għall-istil tan-narrattiva mhux lineari tiegħu. Id-direttur mhux konvenzjonali dderieġa żewġ films rivoluzzjonarji, wieħed fuq it-tluq ‘Touki Bouki’, u ieħor fuq ir-ritorn lejn id-dar ‘Hyenas’, it-tnejn li huma jiffurmaw parti tal-programm ta’ din is-sena.
Esibizzjoni ta’ xogħlijiet minn sitt fotografi li jiffurmaw parti mill-kollettiv ‘Generation Elili’ bbażati fi Brazzaville, il-Kongo, se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-20 ta’ Ottubru sat-13 ta’ Novembru għat-tul tal-festival tal-films fil-Mużew Postali ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm, il-mistiedna speċjali u x-xiri tal-biljetti, żur il-websajt tagħna fuq: www.rimaproject.org