Iktar kmieni llum, iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef, ta rendikont dwar żjara riċenti li għamel f’Tokyo. Ħabbar ukoll sensiela ta’ skambji kulturali li se jseħħu bejn Tokyo u l-Belt Valletta minn issa sal-aħħar tal-2018.
Bħala parti minn dan l-iskambju, 100 atleta Ġappuniż, li pparteċipaw fil-maratona magħrufa internazzjonalment ta’ Tokyo fil-Ġappun, se jipparteċipaw ukoll fil-Vodafone Malta Marathon il-Ħadd li ġej bis-saħħa tal-isforzi li saru min-naħa tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
“Din hija opportunità oħra biex Valletta 2018 twassal l-esperjenza kulturali tal-Belt Valletta u ta’ Malta kollha kemm hi lill-poplu Ġappuniż,” qal Jason Micallef, iċ-Ċermen tal-Fonazzjoni Valletta 2018.
Is-Sur Micallef kien Tokyo iktar kmieni dan ix-xahar biex jattendi l-laqgħa annwali ġenerali tal-EU-Japan Fest fejn iltaqa’ maċ-Ċermen il-ġdid tal-kumitat tal-EU Japan Fest (EUJF) Nobuyuki Koga, maċ-Ċermen tat-Toyota Motors Corporation Takeshi Uchiyamada, u mas-Segretarju Ġenerali tal-EUJF Shuji Kogi. Is-Sur Micallef ukoll indirizza diskors dwar il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 waqt konferenza organizzata minn JATA (Japanese Association of Travel Agents), li għaliha attendew l-aktar aġenziji tal-ivvjaġġar importanti ġewwa l-Ġappun.
L-EU-Japan Fest hija organizzazzjoni li tinsab Tokyo u li matul is-snin stabbiliet rabtiet kulturali ma’ diversi Kapitali Ewropej tal-Kultura mill-1993 meta Antwerp kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Numru ta’ inizjattivi ġa qed jibbenefikaw mill-kollaborazzjoni bejn Valletta 2018 u l-EU-Japan Fest u li se jkomplu jiġu appoġġjati minn issa sat-tmiem tas-sena 2018. Dawn jinkludu il-Valletta Design Cluster, proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Valletta 2018 fil-Biċċerija, u Modern Music Days, proġett kollaborattiv bejn Valletta 2018, Teatru Manoel u l-Malta Association of Contemporary Music. Għas-sena 2018, hemm ukoll pjanata l-attività EU-Japan Fest Weekend li tiċċelebra l-kollaborazzjoni internazzjonali bejn dawn iż-żewġt entitajiet, kif ukoll numru ta’ skambji ta’ artisti Maltin u Ġappuniżi.
Il-kollaborazzjoni ta’ Valletta 2018 mal-EU-Japan Fest tmur lura sal-2014 meta s-Sur Micallef iltaqa’ mas-Sur Kogi ġewwa Riga, li dak iż-żmien kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Latvja. Għadd ta’ artisti Maltin diġà gawdew minn din il-kollaborazzjoni, fosthom Caldon Mercieca, il-kap tal-proġett Valletta Design Cluster, u Raphael Vella, il-kuratur-artist kurrenti tal-Malta Pavilion fil-Bjennale ta’ Venezja.
F’Ottubru li għadda, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ikkollaborat ma’ Aġenzija Żgħażagħ u mal-EU-Japan Fest kif ukoll mal-Japan Media Arts Festival dwar il-proġett Divergent Thinkers li rebbaħ premju lill-artista Maltija Sarah Marie Scicluna għax-xogħol artistiku tagħha. Il-premju hu residenza għal xahar fil-Youkobo Art Space ġewwa Tokyo f’Awwissu 2017. L-artist Ġappuniż Keita Onishi nġieb ukoll mill-Ġappun biex jesibixxi xogħlu waqt il-wirja Divergent Thinkers li saret fil-Mużew Marittimu ta’ Malta.
Fost proġetti oħrajn li gawdew mill-kollaborazzjoni bejn Valletta 2018 u l-EU Japan Fest hemm iż-żewġ edizzjonijiet preċedenti tal-konferenza annwali ta’ Valletta 2018 u l-edizzjoni tas-sena li għaddiet tal-Iskola Kuratorjali ta’ Valletta 2018.