Notte Bianca, il-festival ta’ arti u kultura, mistenni jimla l-Belt Valletta bl-attività tul il-lejl tas-Sibt l-1 ta’ Ottubru. Organizzat mit-tim tan-Notte Bianca u mill-Kunsill Malti għall-Arti, din is-sena, il-festival se jerġa’ jagħti l-ħajja lit-toroq u postijiet fil-kapitali permezz ta’ programm pjanat bir-reqqa u mżewwaq b’varjetà ta’ esperjenzi u divertiment. Il-kumitat organizzattiv nieda wkoll il-logo il-ġdid tan-Notte Bianca, li hu mnebbaħ mit-tabelli antiki tal-ħwienet u bars Maltin.
Hekk kif l-2016 timmarka t-tielet sena fil-vjaġġ lejn Valletta 2018 – il-Kapitali Kulturali Ewropea, in-Notte Bianca ta’ din is-sena kien organizzat b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018. Imnebbħa mill-għanijiet ta’ Valletta 2018, din il-kollaborazzjoni swiet biex il-Belt Valletta tinbidel f’belt kulturali ħajja u relevanti għall-ġurnata tal-lum. Huwa f’dan l-ispirtu li din is-sena, in-Notte Bianca se tersaq lejn id-dinja tal-media ġodda u diġitali biex toħloq esperjenza li tħossok tintilef fiha.
“Kienet il-missjoni tagħna li nagħmlu n-Notte Bianca esperjenza kulturali li verament tinkludi lil kulħadd minn kull aspett”, spjega Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku ta’ dan il-festival. “Huwa għalhekk li l-edizzjoni ta’ din is-sena hija ikbar u fuq medda usa. Għandna ‘l fuq minn 1,000 artist, organizzatur u kreattiv jikkkontribwixxu għal dan il-lejl li ma jintesiex. Il-festival qed ikompli jikber lil hinn mill-ħitan tal-Belt Valletta, billi se jsiru avvenimenti wkoll fil-port u t-tlett ibliet, madwar il-ferries u zoni tat-trasport pubbliku, sabiex tibda tgħix l-esperjenza tan-Notte Bianca malli tibda l-vjaġġ tiegħek ġol-belt. Qegħdin nippjanaw ukoll rappurtaġġ live fuq il-media soċjali, sabiex dawk li ma jistgħux ikunu fiżikament preżenti fil-belt, xorta waħda jkunu jistgħu igawdu l-festeġġjamenti kollha. Notte Bianca dejjem kien festival għan-nies, u nisperaw li din is-sena nkomplu ntejbu din it-tradizzjoni.”
Fost l-avvenimenti hemm Design4DCity, esperiment fil-qsim tal-informazzjoni u spazju komuni. L-attivisti bbażati f’Berlin Urban Action se jmexxu workshop ta’ erbat ijiem li jilħqu l-qofol tagħhom fi preżentazzjoni ta’ ideat għal ambjent urban aħjar u li jqanqal l-involviment tan-nies. Nanotak Studio, li huma bbażati Pariġi, se jagħmlu d-debutt tagħhom f’Malta waqt Design4DCity. Dawn saru magħrufa għall-ħolqien ta’ ambjenti tad-dawl u l-ħoss li min qed jara, jintilef fil-kwalità tal-ħolm tagħhom.
Avvenimenti oħra bil-media diġitali jinkludu Fil-Kju, li se jibdel partijiet mill-Belt Valletta f’esperjenza tal-augmented reality. Billi jiskenjaw kodiċi apposta fl-ismartphones tagħhom, dawk li jżuru l-Belt se jiskopru poeżiji moħbija madwar il-belt kollha. L-installazzjoni interattiva Ġejja Dgħajsa se tesplora t-tifsir u s-simboliżmu marbut mad-dgħajjes. L-installazzjoni se tuża vapuri tal-karti marbuta ma’ lasti tal-metall li jixgħelu u jiċċaqalqu hekk kif xi ħadd imisshom. Planċieri Diġitali hija esperjenza fir-realtà virtwali li se twaħħad l-arti qadima ma’ dik moderna. Numru ta’ artisti tradizzjonali minn sfond differenti se jidħlu fid-dinja diġitali biex jesploraw l-arti tagħhom fi tliet dimensjonijiet.
Wara s-suċċess kbir tas-sena l-oħra, Karaoke ta’ Vera se jirritorna u se joffri lill-parteċipanti opportunità unika li jkantaw għanja tal-għażla tagħhom akkumpanjati minn grupp live. ŻiffaŻfin ukoll se jirritorna b’attenzjoni fuq iż-żfin kontemporanju. Stenna li tara hip-hop, parkour, u anka flash mobs taż-żfin fit-toroq tal-Belt Valletta. Minħabba li l-2016 rat il-mewt ta’ żewġ leġġendi mużikali, dawk li jħobbu l-mużika se jkunu jistgħu igawdu wkoll tislima bil-kitarra lil David Bowie u Prince f’ Saħħa Bowie, Saħħa Prince.
Atmosfera, programm ta’ avvenimenti oħra mnebbħa mill-qalb tħabbat tal-Belt, se jkunu wkoll qed jikkontribwixxu biex dan il-lejl ikun suċċess. Knejjes, palazzi statali u mużewijiet se jkunu qed iżommuj l-bibien tagħhom miftuħa għall-viżitaturi sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. F’ħafna minnhom, se jittellgħu ukoll xogħlijiet u wirjiet. It-toroq u l-pjazez se jkunu mibdula f’postijiet għal xogħlijiet teatrali u kunċerti fil-miftuħ, filwaqt li ħafna kafetteriji u ristoranti se jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom u se jkollhom ukoll imwejjed fuq il-bankini.
Għall-ewwel darba din is-sena, dawk li se jidħlu l-Belt bid-dgħajsa minn xi waħda mit-tlett ibliet, se jkollhom ukoll attivitajiet fil-qrib b’mużika klassika f’Bormla, rock fl-Isla u għana u makjetti fil-Birgu. Il-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu kif ukoll il-Forti Sant’ Anġlu se jkunu wkoll miftuħin għall-pubbliku.
Jekk jogħġbok żur www.lejlimdawwal.org għal aktar informazzjoni.
Notte Bianca hija organizzata mill-Kunsill Malti Għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bis-sapport tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsilli Lokali tal-Belt, TVM u MSV Life.