Valletta 2018 u l-Programm Artisti f’Residenza Air Wro bi pjaċir iħabbru li l-artisti li ġejjin intgħażlu għal skambju ta’ residenza bejn Malta u l-Polonja fil-ħarifa li ġejja. Il-Programm irċieva applikazzjonijiet b’saħħithom ħafna, u b’hekk kellhom isiru għażliet diffiċli ħafna, iżda ninsabu kuntenti ħafna bl-għażliet finali.
L-artista minn Malta li sejra Wrocław hija Moira Agius. Moira hija artista multimedjali emerġenti. It-trasformazzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-interkulturaliżmu huma t-temi ewlenin li se tkun qed taħdem fuqhom fi Wrocław. Ir-residenza tagħha hija parti mill-programm Wrocław #ThinkUrban.
L-artista mill-Polonja li ġejja Malta hija Martyna Komorowska. Martyna hija perit żagħżugħa b’enfasi fuq l-ippjanar urban u l-involviment tal-komunità. Il-motto li se tkun qed tuża huwa “Aħna l-belt” (We are the city). Ir-residenza tagħha hija parti minn Design4DCity.