Wara diversi workshops ta’ Mewġa Mużika, li saru matul l-aħħar xhur bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, komunità ta’ aktar minn 300 mużiċist se tagħti kunċert il-Foss tal-Imdina.

Ir-rappreżentazzjoni kollettiva finali ta’ Mewġa Mużika se tittella’ nhar il-Ħadd 9 ta’ Settembru 2018.

Għalkemm ir-rappreżentazzjoni kollettiva tibda fis-7pm, il-jum tal-Ħadd se jkun mimli b’attivitajiet divertenti għall-familja kollha li jibdew mill-10.00 ta’ filgħodu, fosthom interventi mużikali mill-grupp ondamarela li mexxa Mewġa Mużika, attivitajiet mill-voluntiera Tal-Kultura, workshops ta’ stop-motion miġjuba minn Solar Cinema fejn it-tfal jaħdmu fuq films bl-użu ta’ materjal riċiklabbli, workshops movimentati ta’ ritmu, perkussjoni u aerobika, logħob u attivitajiet oħra għall-familja.

Mewġa Mużika, li huwa parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, huwa proġett mużikali interattiv immexxi mill-grupp Portugiż ondamarela. Dan il-proġett involva ’l fuq minn 400 persuna minn komunitajiet differenti minn Jannar s’issa, bl-iżgħar parteċipant għandu biss 6 snin u l-akbar huwa ta’ 80 sena. Dawn ipparteċipaw f’aktar minn 30 workshop, laqgħat informattivi u provi li saru f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex.

L-orkestra kollettiva li ngħaqdet għal dan il-proġett hi magħmula minn madwar 300 ruħ li jdoqqu strumenti ta’ kull għamla, fosthom strumenti etniċi magħmula bl-idejn, kitarri tal-elettriku, tnabar, strumenti tal-korda, strumenti tan-nifs, strumenti tar-ram u oħrajn. Jakkumpanja l-orkestra hemm ukoll kor ta’ 30 ruħ. Uħud mill-parteċipanti huma familji sħaħ, filwaqt li oħrajn sabu familja oħra fi ħdan dan il-grupp komunitarju.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li dan il-proġett għandu l-għeruq tiegħu fil-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni u jipproponi l-ħolqien ta’ rappreżentazzjoni mużikali pubblika li tibni s-solidarjetà permezz tal-mużika. Mewġa Mużika jsaħħaħ l-idea ta’ Valletta 2018, li ċ-ċittadini kollha jista’ jkollhom impatt fuq l-inizjattivi artistiċi billi jkunu ko-kreaturi fi proġetti ta’ dan it-tip.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Dr Deo Debattista spjega kif il-mużika hija lingwa universali li l-bniedem jitgħallem qabel il-kliem, għaliex il-messaġġ li ma jasalx bil-kelma kapaċi jasal bil-mużika. Filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi, huwa awgura lill-artisti kollha wirja ta’ suċċess.

Kulħadd għandu ċ-ċans li jsir mużiċist f’Mewġa Mużika, kemm jekk dilettant tal-mużika, mużiċist aspiranti, kif ukoll jekk diġà mużiċist professjonali. Il-workshops huma miftuħa għal nies ta’ kull età, li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja jew qasam mużikali. Din l-inizjattiva tagħti merħba wkoll lill-parteċipanti mingħajr ebda esperjenza mużikali. Jekk tixtieq tipparteċipa, ibgħat messaġġ privat fuq il-paġna ta’ Mewġa Mużika fuq Facebook, jew żur is-sit elettroniku ta’ ondamarela.

Għal aktar informazzjoni segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.

Dan l-avveniment hu aċċessibli għal persuni li jużaw siġġu tar-roti.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta

Programm:

Il-ĠURNATA KOLLHA:

Attività ‘culture tree’ mill-grupp Tal-Kultura

Freestyle corner
Ipprova doqq strument

Interventi mużikali ‘pop-up’ mill-grupp ondamarela

10.00 – 11.00
Sessjoni ‘moving with music
Sessjoni ta’ żfin u aerobika, fejn il-parteċipanti jistgħu jiżfnu ma’ mużika enerġetika

11.00 – 12.00
Rhythm and percussion workshop
Skopri r-ritmu mużikali tiegħek permezz ta’ strumenti tal-perkussjoni

Greenhouse Malta
Workshop dwar l-importanza tal-ħoss għall-komunikazzjoni fin-natura

12.00 – 13.00
Solar cinema – Workshop Stop motion
Ejja sal-Foss tal-Imdina u oħloq il-film stop-motion tiegħek permezz ta’ materjal riċiklat. It-tfal jistgħu joħolqu l-istejjer u l-karattri tagħhom, waqt li jaħdmu fi gruppi żgħar biex joħolqu l-film stop-motion tagħhom. It-tfal jitgħallmu kif jaħdmu fi grupp f’ambjent kreattiv. M’hemmx bżonn esperjenza teknika.

13.00 – 14.00
Body Percussion Workshop
Ħsejjes jiġu maħluqa bl-użu tal-ġisem, permezz ta’ ċapċip, tfaqqigħ tas-swaba, tisbit, tisfir u nifs.

14.00 – 16.00
Oħloq Kultura – Mużika u kultura (għat-tfal)
It-tfal jistgħu jużaw bosta strumenti biex joħolqu l-mużika tagħhom stess

16.00 – 18.00
Shake It! – Logħob Popolari u Divertiment
Shake It! huwa proġett li jibni fuq logħob popolari bħala għodda għall-ingaġġ tal-komunità. Il-proġett huwa ispirat mill-ħtieġa ta’ kultura ġdida ta’ moviment u għandu l-għan li jagħti ħajja ġdida lil spazji komunitarji
permezz tal-logħob.