Il-Kunċert ‘Map of the Mediterrean’ (Il-Mappa tal-Mediterran) se jiffoka fuq it-tema tal-migrazzjoni b’poeżiji minn Antoine Cassar u mużika ġdida minn Luc Houtkamp u l-POW Ensemble
Kunċert ta’ mużika u poeżija li jdur madwar it-tema tal-migrazzjoni se jseħħ nhar il-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati nhar l-20 ta’ Ġunju.
Ispirat mill-poeżija ‘Map of the Mediterranean’ tal-poeta Malti Antoine Cassar, dan il-kunċert b’diski ġodda, mużika u poeżija rreċtata, se jesplora kif il-migrazzjoni u l-ivvjaġġar, tul is-sekli, sawru l-kultura Mediterranja, l-isfond, il-lingwa, il-kċina, il-mużika u l-istil ta’ ħajja.
Ispirat mill-poeżija ta’ Cassar, il-kompożitur ibbażat Malta Luc Houtkamp u l-Ensemble tiegħu POW ħolqu mużika ġdida esperimentali dwar il-migrazzjoni, il-baħar Mediterran u l-kriżi preżenti tar-refuġjati, għal spettaklu li jixhed il-valuri kulturali ta’ Valletta 2018 u jaħbat mal-Jum Dinji tar-Refuġjati.
“Mingħajr il-migrazzjoni, il-Mediterran ma jkunx dak li hu bħalissa: amalgamazzjoni rikka ta’ nies b’diversi kulturi u patrimonji differenti,” jgħid Houtkamp. “La darba t-tema tal-migrazzjoni hija relevanti ħafna għal-lum il-ġurnata, ridna norbtu dan l-avveniment mal-Jum Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, l-20 ta’ Ġunju, bħala simbolu biex iservi ta’ konnessjoni mal-immigranti li qed jgħixu f’Malta.”
L-Ensemble POW, li kien imwaqqaf minn Houtkamp fl-2001 u li llum kiseb fama internazzjonali, huwa chamber ensemble għas-seklu 21. Waqt li jużaw kompjuters u aġġeġġi elettroniċi oħra live bħala strumenti mużikali, l-ensemble jibbilanċja x-xogħol tagħhom ma’ diversi instrumenti akustiċi u vuċijiet, f’xeħta ġdida tal-mużika elettronika kontemporanja.
L-Ensemble POW iktar ma jmur qed isir iktar popolari f’Malta, b’iktar xogħlijiet b’tema lokali li jinkludu proġett riċenti bbażat fuq l-eqdem kitba Maltija, ‘Il Kantilena’. Wara li qara l-poeżija ‘Map of the Mediterranean’, Houtkamp ried jaħdem ma’ Cassar għall-biċċa xogħol li jmiss ta’ POW Ensemble fuq il-migrazzjoni.
“Luc ikkuntattjani sena ilu biex jgħidli li kien qed jippjana serje ta’ kanzunetti fuq il-migrazzjoni, minn angoli storiċi u ġeografiċi varji. Qbilna li ‘Map of the Mediterranean’ kienet l-aħjar referenza għal dan ix-xogħol, minħabba li tiddeskrivi l-Baħar Mediterran mill-erba’ direzzjonijiet kardinali f’relazzjoni mal-istorja tal-popli, li jinkludu l-migrazzjonjijiet tal-qedem u dawk kontemporanji,” jispjega Cassar.
“Fil-kunċert mal-Ensemble POW, stanzas bil-Malti u l-Ingliż se jkunu s-sinsla li jgħaqqdu d-diversi diski li ġew miktuba għall-okkażjoni.”
Mr Houtkamp kompla jgħid li: “It-tema tal-migrazzjoni tagħti diversi punti ta’ tluq għal avveniment mużikali, bħalma huma l-melodiji, l-ikel u anke l-ismijiet. Kif ukoll l-aspetti iktar diffiċli tal-migrazzjoni bħal ma hu l-bżonn li titlaq kollox warajk u tintegra ma’ komunitajiet ġodda, waqt li soċjetà wkoll trid tadatta għall-influss ġdid tal-migranti, huma wkoll indagati f’din il-poeżija ta’ Antoine Cassar.
Il-kunċert ‘Map of the Mediterranean’ se jsir f’Maori fil-Belt Valletta bejn l-20 u t-22 ta’ Ġunju. Jieħdu sehem Antoine Cassar b’reċtar tal-kitbiet tiegħu u narazzjoni, Luc Houtkamp, project leader u kompożitur, fuq l-electronics u l-istrumenti tal-qasba (woodwind), il-kompiżtur Guy Harries fuq il-flute, electronics u vocals u Tom Armitage fuq il-keyboards.