L-Orkestra Royal Concertgebouw (RCO) se żżur Malta għall-ewwel darba fl-istorja biex tagħti kunċert fit-Teatru Manoel fl-1 ta’ Lulju.
Dan il-kunċert jagħmel parti mit-tour tagħha lejn it-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, ‘RCO Meets Europe’, u se jara l-parteċipazzjoni ta’ membri tal-Malta Youth Orchestra matul ix-xogħol tal-ftuħ ‘Overture to Don Giovanni’.
Il-kap konduttur Milaniż, il-Maestro Daniele Gatti, se jikkonduċi l-orkestra waqt l-interpretazzjoni tal-Violin Concerto ta’ Mendelssohn. Se tindaqq ukoll is-Seventh Symphony in A Major ta’ Beethoven.
Il-Maestro Gatti kkonduċa numru ta produzzjonijiet f’teatri ewlenin madwar id-dinja, inkluż it-Teatro alla Scala f’Milan, il-Viennese Staatsoper, ir-Royal Opera House f’Covent Garden, u ż-Zurich Opera House. Hu kien ukoll konduttur ta’ numru ta’ orkestri prestiġjużi madwar id-dinja, inkluż l-Orkestra tal-Akkademja Nazzjonali ta’ Santa Ċeċilja f’Ruma, il-Vienna Philharmonic, il-Berlin Philharmoniker, il-Mahler Chamber Orchestra u l-Orchestra Filarmonica della Scala.
Is-solista waqt l-interpretazzjoni tal-Violin Concerto se jkun il-vjolinista Vesko Eschkenazy, li ilhu concertmaster tar-RCO sa mill-2000. Hu kien jokkupa l-istess pożizzjoni wkoll man-Netherlands Chamber Orchestra u l-Orkestra Filarmonika tal-Olanda.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li “dan ix-xogħol huwa ta’ importanza kbira għalina u aħna impenjati sabiex dejjem inħeġġu lill-entitajiet kultuarli lokali biex jaħdmu flimkien, sabiex inkomplu nibnu rabtiet importanti ħafna ma’ istituzzjoniet internazzjonali biex nagħtu pożizzjoni dejjem aktar strateġika lil Malta filwaqt li npoġġu l-kalendarju kulturali Malta fuq skala internazzjonali.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista, qal, “Dan huwa kunċert storiku parti mill-Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Huwa bi pjaċir kbir li dan il-kunċert grandjuż huwa parti mit-tour Ewropew grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018, Festivals Malta u Teatru Manoel.”
Il-kunċert se jsir fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta nhar l-1 ta’ Lulju fid-21.00. Biljetti jibdew minn €25 u jistgħu jinxtraw minn https://valletta2018.org/events/royal-concertgebouw-orchestra
Ir-RCO ilha żżur il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea sa mill-2016, fejn iddoqq is-silta tal-ftuħ ta’ kull kunċert flimkien ma’ orkestra taż-żgħażagħ lokali f’kull pajjiż, fi proġett bl-isem ta’ Side by Side. Sa tmiem l-2018, ir-RCO se tkun żaret il-pajjiżi membri kollha, inkluż Malta, fejn l-orkestra se ddoqq Side by Side mal-Malta Youth Orchestra.
L-Orkestra prestiġjuża, li hi magħrufa madwar id-dinja għall-flessibiltà stilistika, il-ħoss uniku u l-mużiċisti eċċezjonali tagħha, tagħti erbgħin kunċert fi swali tal-kunċerti ewlenin madwar id-dinja kull sena. L-Orkestra pproduċiet iktar minn 1,000 LP, CD u DVD, b’ħafna minnhom li ġew premjati b’unuri internazzjonali, u tikkontribwixxi regolarment għall-ħolqien ta’ repertorju ġdid permezz ta’ ħidma fuq kompożizzjonijiet ġodda.