Ingħaqad magħna għal tour speċjali tal-aħħar flimkien mal-kuraturi ta’ Nisġa: Storja Kontemporanja, nhar is-Sibt li ġej 3 ta’ Novembru fl-10.30am, ġewwa Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta. Dakinhar, se ssir ukoll il-preżentazzjoni tal-katalgu tal-esibizzjoni.

Kopji tal-katalgu dwar l-esibizzjoni, ippubblikat minn Midsea Books, se jkunu għall-bejgħ għall-prezz ta’ €15. It-tour se jkun immexxi mill-kuraturi Sandro Debono u Irene Biolchini. L-esibizzjoni tagħlaq il-bibien tagħha nhar il-Ħadd 4 ta’ Novembru 2018.

L-artist Malti jista’ jiġi definit? … hemm preferenza għal suġġetti jew temi partikulari? … u n-nazzjon jidħol f’din id-definizzjoni?

Tim ta’ kuraturi u persuni kreattivi ngħaqdu flimkien biex jippreżentaw l-identità kumplessa u multidimensjonali tal-artist Malti. Xogħlijiet tal-arti mis-seklu għoxrin minn kollezzjonijiet pubbliċi u privati, inklużi xogħlijiet fil-media tradizzjonali impoġġija ħdejn arti tal-vidjow, ġew magħżula bir-reqqa biex joħolqu djalogi sinifikanti. Ix-xogħlijiet murija jinkludu xogħlijiet ewlenin, xi wħud minnhom rari dehru fil-pubbliku jew li huma magħrufa ġeneralment permezz tal-kotba.

Din iċ-ċelebrazzjoni tal-identità tal-artist Malti hija bbażata fuq l-għażla ta’ artisti ppubblikata fil-ktieb ‘Malta: Six Modern Artists’ (1991), u ħamsa minnhom kienu mill-Belt Valletta. L-istorja rrakkontata hija nisġa ta’ temi bejn it-tradizzjonali u l-kontemporanju, il-modern u l-klassiku.#

Artisti f’din l-esibizzjoni jinkludu: Carmelo Mangion, Darren Tanti, Patrick Dalli, Victor Agius, Pierre Portelli, Harry Alden, Anton Agius, Gabriel Caruana, Austin Camilleri, George Preca, Vincent Apap, Alfred Chircop, Norbert Attard, Isabelle Borg, Frank Portelli, Vince Briffa, Raymond Pitrè, Josef Kalleya, George Fenech u Ruth Bianco.

Din l-esibizzjoni hija kkurata b’mod konġunt minn Sandro Debono u Irene Biolchini, u hija ddisinjata minn Nigel Baldacchino.

Nisġa: Storja Kontemporanja tifforma parti mill-Programmi ta’ Valletta 2018 u Spazju Kreattiv.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta