Bħalissa ġewwa t-toroq ewlenin tal-Belt Valletta, għaddej spettaklu mimli briju bħala parti minn Sfilata fil-Kapitali, li qed tiġi organizzata minn Valletta 2018.

Il-ġurnata bdiet għall-ħabta tas-2pm bil-workshops tal-bini tal-annimali. Dawn saru fi Pjazza San Ġorġ u baqgħu sejrin sal-5pm. Diversi tfal, fost oħrajn, attendew għal dawn il-workshops u bnew l-annimali tagħhom. L-annimali qed jintużaw waqt il-parata li għaddejja bħalissa.

Fil-fatt, il-parata bdiet fl-4.30pm. S’issa pparteċipaw 8 baned lokali, fosthom il-banda Nicolo’ Isouard tal-Mosta, il-Banda San Pietru ta’ Birżebbuġa, il-Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Spinola ta’ San Ġiljan, il-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara, il-Banda Imperial tal-Mellieħa u l-Banda San Ġużepp tal-Kalkara. Dawn imxew tul Triq San Pawl, Triq Merkanti, Triq l-Ifran u Triq ir-Repubblika, fejn imbagħad iltaqgħu fi Pjazza Tritoni għal spettaklu kollettiv. Il-bandisti kienu wkoll segwiti minn bosta persuni flimkien mal-pupazzi tal-annimali tagħhom, kif ukoll diversi persuni oħra li ġew il-Belt Valletta għall-okkażjoni. Spikkat ukoll l-attendenza ta’ ħafna tfal.

Jekk għadek ma’ ingħaqadtx mal-parata, issa huwa ċ-ċans tiegħek, hekk kif il-parata bil-baned se terġa’ ssir illejla bejn is-7pm u t-8pm, fejn diversi baned oħra mistennija jsegwu l-istess rotta lejn Pjazza Tritoni, qabel jibda’ l-ispettaklu tal-għeluq għall-ħabta tad-9.30pm.

Bħalissa għaddejjin ukoll diversi rappreżentazzjonijiet mir-rakkontaturi ta’ Orfeo & Majnun, li qed jaqsmu l-istejjer tagħhom dwar l-imħabba, it-telfa u x-xewqa mal-udjenzi fit-toroq tal-Belt. Ir-rakkontaturi jinsabu fi Pjazza Tritoni, il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, Pjazza Kastilja, Pjazza Teatru Rjal u Spazju Kreattiv, u se jibqgħu għaddejjin bir-rakkonti u r-rappreżentazzjonijiet tagħhom sas-6pm fit-toroq, u sas-7.30 ġewwa Spazju Kreattiv.

L-ewwel parodija divertenti mill-kast ta’ Min Imissu u Klassi Għalina se tibda fi ftit minuti fi Pjazza Teatru Rjal. Dawn se jerġgħu jirrepetu l-ispettaklu tagħhom fis-7pm kif ukoll fid-9pm, dejjem fi Pjazza Teatru Rjal.

L-ispettaklu l-kbir fi Pjazza Tritoni mistenni jibda’ għall-ħabta tat-7.40pm, b’rappreżentazzjoni ta’ Valletta Love Loss and Longing, segwit mill-Valletta Love Parade u party minn DJ Neo-X mill-10pm ’il quddiem.

Ingħaqad magħna!