L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018 nieda żewġ premji li jirrikonoxxu x-xogħol ġurnalistiku marbut mal-ħidma fejjieda li qed twettaq il-Fondazzjoni Valletta 2018.

It-tnedija saret illum wara nofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin is-Sur Karl Wright u miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 is-Sur Jason Micallef.

Karl Wright spjega li permezz ta’ din l-inizjattiva l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qiegħed ikompli jinvesti f’settur ieħor billi jippremja x-xogħol tal-ġurnalisti lokali filwaqt li jinċentiva rappurtaġġ pożittiv li jeduka kulturalment.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef stqarr il-pjaċir tiegħu li jappoġġja l-proposta li kienet saritlu aktar kmieni din is-sena mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Huwa żied jgħid li r-rapportaġġ ġurnalistiku lokali jkun “tajjeb ħafna u siewi.”

DWAR IŻ-ŻEWĠ PREMJI

  • Il-premji ser jirrikonoxxu xogħol ġurnalistiku li jkun kopra l-ħidma u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2016.
  • Premju minnhom ser jingħata għall-fotografija kkumplimentata bi skript miktub.
  • Il-premju l-ieħor se jingħata għall-ġurnaliżmu mxandar bi skript li jikkumplimenta x-xogħol ġurnalistiku mxandar.
  • Il-ġurija se tkun magħmula minn rappreżentant maħtur mill-Fondazzjoni flimkien ma’ tliet membri oħra li ser jevalwaw is-sottomissjonijiet li jipparteċipaw fl-edizzjoni annwali tal-Malta Journalism Awards.
  • Il-finalisti jitħabbru f’Marzu tal-2017.
  • Ir-rebbieħa rispettivi jitħabbru matul is-serata finali tal-Malta Journalism Awards f’Mejju 2017.