Nhar is-Sibt l-1 ta’ Diċembru, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tat kunċert ġewwa l-Carnegie Hall fi New York, bħala parti mill-MPO Valletta 2018 International Tour li għaddejja bih bħalissa.

Il-Carnegie Hall hija waħda mill-aktar swali prestiġġjużi fid-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mal-mużika, sew dik klassika kif ukoll dik popolari, u għandha tliet awditorji u aktar minn 3,600 siġġu.

Fl-istess ġimgħa, l-MPO tat ukoll kunċerti fil-Verizon Hall tal-Kimmel Center for the Performing Arts ġewwa Philadelphia, kif ukoll ġewwa North Bethesda, fil-Music Center at Strathmore. Dan wara li tat ukoll kunċert ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi f’Malta, li kien l-ewwel wieħed għal dan it-tour.

Fil-jiem li ġejjin l-MPO se tkun qed tivjaġġa lejn ir-Russja għall-aħħar parti ta’ dan it-tour, fejn se tkun qed tagħti kunċerti ġewwa l-Moscow State Tchaikovsky Conservatory f’Moska, u ġewwa t-Teatru Mariinsky f’San Pietruburgu fil-5 u fis-7 ta’ Diċembru.

Taħt id-direzzjoni ta’ Sergey Symbatyan, il-kunċert għat-tour ta’ dan l-istaġun jiftaħ b’Rebbieħa, poeżija sinfonika miktuba mill-mibki Joseph Vella, kompożitur Għawdxi. Wara, jingħaqad mal-orkestra l-pjanist Awstrijak Ingolf Wunder, li flimkien mal-orkestra jdoqq Travel Notebook ta’ Alexey Shor.

Il-kunċert jiġi fi tmiemu bil-Fifth Symphony ta’ Dmitri Shostakovich. Miktuba xhur wara d-denunzja uffiċjali tiegħu, fil-qofol tal-perjodu ta’ ripressjoni tal-Unjoni Sovjetika, il-Fifth Symphony tikkonkludi bil-finali allegruż li joħloq kuntrast qawwi mat-ton tal-bqija tax-xogħol.

Għal aktar informazzjoni żur www.maltaorchestra.com.

Din l-attività hija maħluqa u organizzata mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Kultura, u hija appoġġjata minn Valletta 2018.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta