F’sensiela t’avvenimenti msemmija ‘L-Inżul tal-Magna ta’ Memorji Meraviljużi’ bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, Magna Żmien tippreżenta ‘Inżul #5 – Kalkara’.

L-avveniment tal-Kalkara se jseħħ nhar it-3 ta’ Novembru 2018, fis-Sala Parrokkjali fi Pjazza Arċisqof Gonzi, fis-19.30, b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa tal-Kalkara.

Matul is-serata se nassistu għal rappreżentazzjoni tal-Magna taż-Żmien ma’ Wistin, il-Vjaġġatur ta’ fuq il-Pultruna, flimkien mal-Banda ta’ Memorji Meraviljużi; kif ukoll installazzjoni viżwali minn Tiny Island Studio b’mużika ta’ Robert Farrugia.

Il-milja ta’ dan l-avveniment tintlaħaq bit-tnedija ta’ wirja ta’ ritratti meħuda minn Emanuel Borg, f’esibizzjoni kkurata minn Charlie Cauchi. Kollezzjoni sħiħa ta’ ritratti u negattivi ġiet iddiġitizzata minn Magna Żmien, u ġabra ta’ ritratti minn din il-kollezzjoni se tintwera għal ġimgħa sħiħa, mit-3 sal-11 ta’ Novembru, biex jiġi mfakkar ix-xogħol ta’ Borg.

Mid-drammatiku għall-intimu, mill-katastrofiku għall-ordinarju: din l-esibizzjoni se turi x-xogħol ta’ Emanuel Borg għal ġimgħa fil-Kalkara, li kienet kemm dar il-fotografu kif ukoll l-isfond ta’ ħafna mir-ritratti tiegħu. Xi ritratti kienu kkummissjonati, oħrajn meħuda għall-gost tiegħu stess; il-parti l-kbira tar-ritratti f’din l-esebizzjoni għadhom ma ntwerewx għall-pubbliku sal-lum.

Il-kollezzjoni, mogħtija lill-proġett ta’ Magna Żmien minn John, iben Emanuel, hija mifruxa fuq 50 sena, mis-snin 40 sal-bidu tas-snin 80. Ix-xogħol jipprovdi viżjoni unika tal-ħajja f’dak iż-żmien, mhux biss fil-Kalkara, imma madwar il-gżejjer Maltin.

Dan l-avveniment qed jiġi organizzat bħala wieħed mill-wirjiet reġjonali tal-Magna ta’ Memorji Meraviljużi, magħrufa wkoll bħala Kapsula Merill. L-għan hu li jintwera kontenut magħżul u interpretazzjonijiet artistiċi ta’ memorji lokali, miġbura minn kollezzjonijiet awdjoviżivi li nġabru minn djar fil-Kalkara u ta’ madwar il-Port.

Mill-bidu tagħha, Magna Żmien kienet u għadha tagħmel riċerka bl-għajnuna tal-Kunsilli Lokali f’erba’ lokalitajiet – il-Kalkara, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat Għawdex. Tinkoraġġixxi lin-nies ta’ dawn l-irħula u anke t’oħrajn biex jipparteċipaw billi jikkkontribwixxu l-memorji tagħhom lejn dan il-proġett.

Magna Żmien huwa moviment għall-ġbir ta’ memorji permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ oġġetti u kollezzjonijiet awjdoviżivi li jinsabu fid-djar tan-nies.

Biex tissottometti l-kollezzjoni tiegħek żur is-sit www.magnażmien.com jew ċempel +356 7706 0232

Magna Żmien huwa proġett maħluq minn Andrew Alamango u organizzat minn Andrew Alamango, Nicole Blackman, Sarah Mallia u Valletta 2018 – il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta