Malta Calls, party uniku organizzat minn Valletta 2018 u ŻfinMalta, se jsir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju mill-20.00 ‘il quddiem fil-Grounds tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara (ex Sir Adrian Dingli) f’Pembroke.

Malta Calls hu esperjenza unika ta’ mużika u żfin inkorporati ma’ projezzjonijiet viżivi minn Shaun Prickimage u Dan Strutt; żewġ ismijiet kbar fl-industrija awdjoviżiva internazzjonali li ħadmu mal-Chemical Brothers u l-Opera Nazzjonali Ingliża, fost oħrajn.

Żeffiena professjonali minn ŻfinMalta se jwettqu koreografija oriġinali ta’ 45 minuta mill-koreografu internazzjonali u ex Direttur Artistiku ta’ ŻfinMalta Mavin Khoo, akkumpanjata mill-mużika tad-DJ internazzjonali PerQX; DJ minn Stokkolma li jinsab fil-quċċata tax-xena globali tal-mużika house. Fil-qalba ta’ din ir-rappreżentazzjoni hemm l-istorja tal-umanità u l-futur tagħha permezz ta’ avatar 3D maħluq speċifikament għall-okkażjoni.

DJs lokali Carlo Gerada, Miss Roberta u DJ Ruby se joħolqu divertiment għall-folla bil-mużika tagħhom matul il-lejl, u jittrasformaw il-Kulleġġ ta’ Santa Klara f’party memorabbli. Il-grawnd ta’ Santa Klara jinsab fi spazju kbir li jħares dirett għal fuq il-baħar, u dan se jipprovdi esperjenza unika ta’ clubbing barra.

Il-party hu esperjenza kollaborattiva kkummissjonata li tlaqqa’ projezzjonijiet interattivi ta’ mużika, żfin u viżwali fuq palk ta’ 40 metru, mixgħul mid-disinjatur internazzjonali Michael Mannion. Grupp ta’ artisti mistiedna oħra se jieħdu sehem matul il-lejl u se joħolqu fantasija viżwali li tikkumplimenta l-mużika.

Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ ŻfinMalta, u huwa parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Id-dħul huwa bla ħlas. Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta

 

Programm:

 

20.00 – Mużika minn Carlo Gerada

21.30 – Mużika minn Miss Roberta

23.15 – ŻfinMalta

00.00 – Mużika minn PerQX

00.30 – Mużika minn DJ Ruby